Raġel ta’ 37 sena residenti Bormla tressaq b’arrest quddiem il-Maġistrat Monica Vella wara li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti fuqu u b’hekk sar reċediv.
Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex is-somma ta’ elf ewro bħala depożitu u garanzija personali u wkoll is-somma ta’ €3,000 tgħaddi favur il-Gvern.
Hekk kif ir-raġel ġie mistoqsi xi jwieġeb għall-akkużi kontrih, mill-ewwel ammetta ħtija. Id-difiża qalet li l-akkużat qiegħed f’relazzjoni ma’ mara li l-eks sieħeb tagħha tressaq il-Qorti ftit qabel.
Fil-Qorti ntqal li l-pulizija kienu ċemplulha biex tmur għat-tfal Għawdex minħabba li l-akkużat l-ieħor kien ġie arrestat. L-omm talbet lill-imputat iwassalha Għawdex għax riedet tmur tiġbor lit-tfal. Kien hawnhekk li l-akkużat instab li kien qed jikser il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti għaliex suppost kellu jkun id-dar.
Il-qorti qalet li tqis li fiċ-ċirkostanzi spjegati piena ta’ ħabs mhijiex idonea u ordnat il-konfiska ta’ parti mid-depożitu fl-ammont ta’ €300 u kkundannatu jħallas multa ta’ €400 sa xahar ieħor.