Saturday, December 28, 2024

Raġel Indjan arrestat wara rkant fittizju ta’ nisa Musulmani fuq app tal-mobile

Aqra wkoll

Il-pulizija tal-Indja arrestaw raġel ta’ 21 sena li allegatament kellu konnessjoni ma’ applikazzjoni tal-mobile li xerrdet iktar minn 100 ritratt ta’ nisa Musulmani u qalet li huma “għall-bejgħ” permezz ta’ rkant. 

L-istudent, li l-identità tiegħu ma ġietx ippubblikata, huwa student tal-inġinerija u huwa resident tal-belt ta’ Bangalore. Fost l-akkużi li qed jitressqu fil-konfront tiegħu hemm li huwa “segwaċi mill-qrib” tal-applikazzjoni magħ­rufa bħala Bulli Bai. Din l-app­likazzjoni, li kienet ospitata mill-pjattaforma Git­Hub, tneħħiet wara rabja mill-pubbliku. 

Allegament il-każ seħħ hekk kif mijiet ta’ nisa prominenti Musulmani – ħafna minnhom ġurnalisti u attivisti – sabu r-ritratti tagħhom imxerrda fuq din l-applikazzjoni mingħajr il-permess tagħhom u kienu mniżżla bħala “għall-bejgħ” fi rkant fittizju. Dan kien it-tieni attentat ta’ fastidju fil-konfront ta’ nisa Musulamni online ġewwa l-Indja fejn dawn “tpoġġew għall-bejgħ”. F’Lulju li għadda fuq l-app u sit bl-isem ta’ Sulli Deals ħoloq iktar minn 80 profil ta’ nisa Musulmani – b’ritratti li dawn in-nisa jużaw fil-midja soċjali tagħhom – u ġew impoġġija taħt il-kategorija bħala “l-offerta tal-ġurnata”.

Ovvjament fiż-żewġ każi ma kien hemm l-ebda intenzjoni ta’ bejgħ, iżda l-iskop kien biex iġib umiljazzjoni u degredazzjoni fil-konfront ta’ nisa Musulmani – u dan għax ħafna minn dawn in-nisa huma voċiferi ħafna kontra ż-żieda tan-nazzjonaliżmu Ħindu taħt il-Prim Ministru Indjan Narendra Modi. Il-kliem “Sulli” u “Bulli” huma termini dispreġjattivi li jintużaw minn persuni Ħindu fil-konfront ta’ nisa Musulmani. 

Il-pulizija Indjana kienet bdiet investigazzjoni dwar il-każ li kien seħħ f’Lulju – li huwa magħruf bħala “l-offerti Sulli” – iżda ħadd ma nstab ħati. Meta faqqgħet l-aħbar tal-Bulli Bai, il-poeta Nabiya Khan, li kienet vittma ta’ Sulli, kitbet fuq twitter li l-Pulizija ta’ Delhi għadhom iridu jieħdu azzjoni fuq il-każ tagħha. 

Ekonomija

Sport