Saturday, December 28, 2024

Raġel isir jaf minn test tad-DNA li t-tifla ma kinitx tiegħu wara 7 snin imantniha

Aqra wkoll

Test tad-DNA wassal biex raġel isir jaf li dik li kien jaħseb li kienet bintu, fil-fatt irriżulta li din ma kinitx. Dan it-test kien instigat minn informazzjoni li għaddielu ibnu stess li t-tifla ma kinitx tiegħu u għalhekk daħħal suspett f’moħħu dwar dan. 

Wara li sar magħruf it-test tad-DNA, ir-raġel talab lill-Qorti tal-Familja biex tiddikjara li t-tifla ma kinitx bintu naturali u li allura huwa ma kienx il-missier naturali tal-minuri. Huwa talab ukoll li jingħata lura l-ammont ta’ flus li kien ħareġ kemm dam jieħu ħsieb it-tifla. 

Ir-raġel kien xehed li huwa żżewweġ lil martu, matul liema żwieġ kellhom tifel u wara tifla. Qal li tul iż-żmien huwa dejjem mantna kemm lit-tifel kif ukoll lit-tifla. Jgħid li darba fost oħrajn it-tifel kien qallu li sema’ lil xi ħadd jgħidlu li t-tifla ma kinitx ta’ missieru imma ta’ raġel ieħor. Qal li għall-bidu huwa qallu biex jiskot u ma jirrepetix dan id-diskors. 

Iżda sostna li ibnu baqa’ jinsisti tant li ġie konvint jagħmel test tal-paternità u minn dan it-test ħareġ li huwa ma kienx missier it-tifla. Jgħid li meta l-mara telqet mid-dar, it-tifel baqa’ miegħu filwaqt li t-tifla baqa’ jaraha kuljum u ma kien iħallihom nieqsa minn xejn. 

Qal li huwa dam irabbi t-tifla għal seba’ snin minn mindu twieldet sa ma għamel it-test tal-paternità. Qal li huwa ma żammx irċevuti tal-infiq rigward it-tifla għax kien mingħalih li hi bintu. Però talab is-somma ta’ €30,000 b’kalkolu ta’ nfiq ta’ €12 kuljum għal 7 snin. 

L-eks mara tiegħu xehdet li żewġha kellu l-vizzju tax-xorb u allegat li kien ikun anke vjolenti. Qalet li komunikazzjoni bejniethom ma kienx baqa’ u darba f’mument ta’ debolizza, meta ġiet ittantata waqgħet għat-tentazzjoni u kellha relazzjoni ma’ raġel ieħor. 

Tgħid li fl-istess żmien kien għadu jkollha relazzjonijiet intimi ma’ żewġha. Qalet li kien f’dan iż-żmien meta saret taf li kienet tqila bit-tifla u li ma kinitx taf ta’ min hi, jekk hux ta’ żewġha jew ta’ dak ir-raġel l-ieħor. Tgħid li żammet dan id-dubju għaliha għax kienet tibża’ minnu u li eventwalment huma kienu sseparaw. 

Kompliet tgħid li r-raġel kien għamel it-test tal-paternità minn fejn irriżulta li huwa mhux missier it-tifla. Tiddikjara li lilha dejjem hi mantnietha għax huwa kien jonfoq flusu mod ieħor. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li ebda kawża għal ċaħda ta’ wild minuri li min-naħa tiegħu jkun jagħraf lil min qiegħed jagħmel din it-talba bħala l-ġenitur tiegħu ma tista’ qatt titqies li mhijiex b’xi mod kuntrarja għall-interess tat-tali minuri. Madankollu, wieħed irid iqis ukoll iċ-ċirkostanzi u realtajiet kollha u dawk prevalenti ta’ kull każ.

Qalet li f’dan il-każ, omm it-tifla ħarġet minn jeddha mid-dar matrimonjali u ħadet lit-tifla magħha. “Jidher ukoll li l-istess mara bdiet ħajja oħra ma’ din il-minuri u terzi u li allura l-minuri hija diġà esposta għall-ħajja indipendenti minnu bħala r-raġel li kienet taf bħala missierha.”

Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti qalet li ma tħossx li billi tilqa’ t-talbiet tar-raġel se tkun qiegħda toħloq effett kuntrarju konsiderevoli għall-minuri. Kien għalhekk li laqgħet it-talba tar-raġel u ddikjarat li l-minuri ma kinitx il-bint naturali tiegħu.

Fir-rigward tat-talba l-oħra tar-raġel, dik li jingħata lura l-flus lura li nefaq biex jieħu ħsieb it-tifla, din ma ġietx milqugħa mill-Qorti. Dan għaliex qalet li kien hemm akkwiexxenza mir-raġel favur il-maġġor parti ta’ dak li seta’ jagħmel favur dik li kien iqis bħala bintu. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti ċaħdet it-talba tar-raġel għax qisitha li ma kinitx ġustifikata.

Ekonomija

Sport