Għall-ħabta tal-10.00am, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq il-Frejgatina, San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel weġġa’ b’mod gravi wara li mar biex iferraq żewġt iklieb tiegħu li għamlu għal xulxin.
Wieħed minn dawn il-klieb, wara li attakka lil sidu, ħarab minn fuq il-post. Minħabba li dan il-kelb kien meqjus perikoluż ħafna fil-konfront ta’ persuni oħra, intalbet l-assistenza tal-Pulizija, u minħbba l-immedjatezza tas-sitwazzjoni, il-Pulizija kienet kostretta tispara fuqu.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-ġrieħi li ġarrab.
Intalbet ukoll l-assistenza tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.