Friday, September 13, 2024

Raġel iżomm minn tal-inqas persuna waħda ostaġġa f’ħanut tal-Apple fl-Amsterdam

Aqra wkoll

Il-pulizija Olandiża qalu li rnexxielhom iġibu taħt kontroll lil raġel li kien qiegħed iżomm persuni ostaġġi ġewwa ħanut tal-Apple ġewwa Amsterdam. Jidher li l-pulizija rnexxielhom jolqtuh b’karozza hekk kif dan ħarab jiġri mill-imsemmi ħanut. Permezz ta’ robot, il-pulizija wettqu tfittxijiet fuq ir-raġel li kien mixħut mal-art ferut u fuqu nsab li kellu arma tan-nar. 

Dik li bdiet bħala serqa ġewwa l-istabbiliment imsemmi f’malajr inbidlet f’sitwazzjoni minn tal-inqas persuna waħda nżammet ostaġġa. Fortunatament l-ebda ostaġġ ma sofra ġrieħi filwaqt li l-aggressur ġie arrestat u beda jingħata l-kura medika. 

Il-każ beda hekk kif il-pulizija kienu msejħa biex jagħtu l-assistenza dwar serqa li kienet qiegħda tiżvolġi ġewwa l-ħanut ta’ Apple f’Leidsepleain Amsterdam. Fuq il-midja Olandiża bdew jiċċirkolaw għadd ta’ ritratti ta’ raġel li f’id minnhom kellu pistola filwaqt li fl-id l-oħra kien qiegħed iżomm persuna kontra r-rieda tagħha. Hekk kif il-pulzija marru fuq il-post huma mill-ewwel ordnaw lill-organizzazzjonijiet tal-midja biex jieqfu jxerrdu ritratti u filmati sabiex dawk ostaġġi jiġu protetti. 

Hekk kif is-sitwazzjoni ġiet riżolta, il-pulizija taw konferenza tal-aħbarijiet u fiha qalu li l-aggressur kien raġel ta’ 27 sena residenti Amsterdam stess. Jidher li dan kien qiegħed jitlob ammonti kbar ta’ flus f’muniti virtwali.

Ekonomija

Sport