Monday, December 23, 2024

Raġel jammetti li seraq minn tliet ħwienet tal-ikel

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel li għandu l-vizzju tad-droga baqa’ miżmum taħt arrest wara li ammetta li seraq tlitt iħwienet tal-ikel.

Nicholai Azzopardi, li għandu 36 u ma jaħdimx, ammetta li fit-12 ta’ Diċembru li għadda seraq minn “La Siciliana” ta’ Ħ’Attard, li fil-lejl ta’ bejn it-12 u t-13 ta’ Diċembru seraq minn “Costa Coffee” tal-Imrieħel u li fit-28 ta’ Diċembru seraq mill-“Eetwell” ukoll fl-Imrieħel.

Azzopardi, li kien qed jgħix f’Dar Franġisku, ammetta wkoll li kiser sentenza mogħtija mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace f’Settembru li għadda fejn kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena.

L-Avukat Joseph Bonnici talab lill-Maġistrat Nadine Lia biex qabel tagħti s-sentenza isir ‘pre-sentencing report’ dwar l-istat ta’ Azzopardi anke minħabba l-vizzju tiegħu.

It-talba ntlaqgħet wara li l-imsemmija maġistrat semgħet lill-uffiċjali prosekuturi, l-Ispetturi Roderick Agius u Andrew Agius, jgħidu li ma kellhom ebda oġġezzjoni.

Fl-istess waqt hija ċaħdet it-talba tal-Avukat Bonnici biex Azzopardi jinħeles mill-arrest minkejja li l-istess uffiċjali prosekuturi m’oġġezzjonawx għal dan.

Ekonomija

Sport