Jason Borg ta’ 47 sena residenti Birkirkara beda għaddej ġuri dwar sejba ta’ 1.2 kilo eroina li kienet instabet f’remissa fil-Marsa.
Il-każ kien seħħ fis-19 ta’ Settembru tal-2017 meta l-Pulizija kienu arrestaw lil Borg flimkien ma’ żewġ persuni oħrajn.
Dakinhar pulizija mill-Iskwadra Kontra d-Droga wettqu rejd f’diversi postijiet fl-inħawi tal-istalel fi Triq is-Serkin. F’waħda minn dawn ir-remissi l-pulizija kienu sabu tank tal-ħadid li fih kien hemm materjal relatat mat-teħid tad-droga.
Wara l-Pulizija komplew bi tfittxija f’remissi oħrajn u f’waħda minnhom kienu sabu 1.2 kilo eroina. Kien wara din is-sejba li Borg kien ġie arrestat.
Miegħu arrestaw koppja li wkoll tressqet fil-Qorti bit-tlieta li huma kienu akkużat b’pussess mhux għall-użu personali.
Id-droga kellha purità ta’ bejn 0.2% u 0.5% u kienet stmata li kellha valur fis-suq ta’ bejn €72,000 u €93,000.
Borg beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Neville Camilleri u qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kevin Valletta u Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Mario Mifsud u Lennox Vella qed imexxu d-difiża.