Kelechi Prince Nnadi nstab ħati li saq b’mod traskurat u bla kont wara inċident tat-traffiku f’Iklin fl-2025 li ħalla sewwieq tal-mutur bi ġrieħi gravi.
Nhar il-Ħamis 26 ta’ Marzu, il-qorti semgħet kif Nnadi kien akkużat li fit-8 ta’ April 2025 għall-ħabta tas-6:15pm, saq b’mod negliġenti u perikoluż, u kkawża ġrieħi gravi lill-sewwieq ta’ mutur fl-inħawi tal-Iklin hekk kif saq minn fuqu.
Huwa kien akkużat ukoll li saq mingħajr liċenzja valida u mingħajr assigurazzjoni li tkopri terzi persuni.
Mill-provi rriżulta li l-inċident seħħ f’roundabout fi Triq Tal-Balal, fejn karozza tal-għamla Honda Fit misjuqa mill-akkużat ħabtet ma’ mutur Piaggio misjuq mill-vittma.
Uffiċjal tal-pulizija xehed li fuq il-post instabu marki ta’ brekijiet twal madwar 17-il metru, li jindikaw il-qawwa tal-impatt. Il-mutur instab maqlub quddiem il-vettura.
Is-sewwieq tal-mutur ttieħed għall-kura l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi. Hu xehed li qatta’ kważi għaxart ijiem l-isptar u kellu jagħmel operazzjoni, filwaqt li dam diversi xhur biex jirkupra. Qal ukoll li l-inċident affettwalu ħajtu psikoloġikament u naqqsitlu l-kapaċità li jaħdem.
Il-qorti semgħet ukoll kif iż-żewġ passiġġieri fil-karozza kkonfermaw li raw il-mutur ġej mix-xellug qabel il-ħabta.
Min-naħa tiegħu, l-akkużat sostna li kien qed jassumi li s-sewwieq tal-mutur kien se jieqaf, iżda dan ma seħħx u seħħet il-ħabta. Madankollu, il-qorti nnotat li skont ir-regolamenti tat-traffiku, is-sewwieq tal-mutur kellu d-dritta u li l-akkużat kellu jibqa’ fuq il-linja tal-lemin sakemm jispiċċaw il-linji bojod kontinwi.
Il-qorti sabet li l-akkużat daħal fil-karreġġjata tax-xellug meta ma kellux jagħmel dan, minkejja li l-mutur kien diġà hemm. Instab ukoll li ma kienx konxju biżżejjed tar-regoli tat-traffiku u ma żammx kontroll adegwat tal-vettura tiegħu.
Fuq il-bażi ta’ dan, il-qorti kkonkludiet li s-sewqan tiegħu kien kemm negliġenti kif ukoll bla kont. Mill-provi ħareġ ukoll li l-akkużat ma kellux liċenzja valida dak iż-żmien, iżda biss permess tat-tagħlim, u li l-vettura ma kinitx koperta b’assigurazzjoni valida għalih bħala sewwieq.
Il-qorti għalhekk sabitu ħati tal-akkużi kollha. Madanakollu, il-qorti mmultat lill-akkużat €4,000 u skwalifikatu milli jsuq għal perjodu ta’ 12-il xahar. Barra minn hekk, ġew imposti sitt punti penali fuq il-liċenzja tiegħu.
Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ddeċieda s-sentenza.

