David Esteban Penagos, ta’ 28 sena, ammetta li attakka uffiċjali tal-pulizija waqt li kien fis-sakra u nstab ukoll fil-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan falza, bil-Qorti tikkundannah għal priġunerija u multa.
Raġel Kolumbjan ta’ 28 sena, David Esteban Penagos, intbagħat sena ħabs wara li ammetta li aggredixxa erba’ uffiċjali tal-pulizija u weġġa’ u kkawża grieħi ta’ natura ħfief fuq tnejn minn dawn waqt inċident li seħħ f’Ħal Qormi.
Fil-Qorti nstema’ kif Penagos, li jaħdem bħala storekeeper u jgħix fl-istess lokalità, kien fis-sakra meta beda jġib ruħu b’mod aggressiv mal-imgħallem tiegħu. Is-sitwazzjoni eskalat meta fuq il-post intervjeniet il-pulizija, iżda minflok ma kkalma ruħu, l-imputat dar kontra l-uffiċjali u attakkahom.
Waqt dan l-inċident, tnejn mill-pulizija sofrew ġrieħi ħfief. Barra minn hekk, Penagos ammetta wkoll li kien fil-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan falza.
Il-Qorti spjegat li r-reati li kien qed jaffaċċja jġorru pieni serji, fosthom priġunerija li tista’ tilħaq sa erba’ snin kif ukoll multa sostanzjali. Qabel ma ngħatat is-sentenza, l-imputat ingħata ħin biex jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu. Wara konsultazzjoni mal-avukat tiegħu, huwa kkonferma l-ammissjoni tal-ħtija.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, li ddeċidiet li tikkundannah għal sena priġunerija u timponi multa ta’ €6,100.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Mallia u Roderick Attard, filwaqt li l-imputat kien assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Francois Dalli.

