Raġel ta’ 33 sena residenti Ħal Safi ngħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiża għal sentejn wara li ammetta sensiela ta’ reati relatati ma’ cybercrime u vjolenza domestika.
Il-Prosekuzzjoni qalet quddiemm il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li r-reati kienu seħħew lejn tmiem Diċembru tas-sena l-oħra. Fost ir-reati kien hemm li l-imputat kellu aċċess mhux awtorizzat għal data informatika, użu ħażin ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika biex isiru theddid, kif ukoll imġiba ripetuta li kkawżat biża’ ta’ vjolenza lis-sieħba tiegħu. Xi wħud minn dawn l-inċidenti seħħew fil-preżenza ta’ minuri.
Wara li l-Qorti semgħet l-ammissjoni tar-raġel, qalet li ma kienx hemm bżonn tista’ aktar xhieda. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qieset il-fedina penali nadifa tal-imputat, li ammetta l-akkużi kollha fi stadju bikri tal-proċeduri ukoll li minn assenjar li sar mill-ħaddiema soċjali rriżulta li ma kienx hemm riskju għoli fuq il-vittma.
Il-Qorti minbarra s-sentenza sospiża, ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u wissiet lill-akkużat li kwalunkwe ksur tal-kundizzjonijiet imposti jista’ jwassal biex is-sentenza ta’ ħabs tidħol fis-seħħ.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur tal-Pulizija Christian Cauchi, filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-avukati Michaela Giglio u Joe Giglio.



