Friday, April 3, 2026

Raġel jingħata sentenza sospiża wara li allegatament uża dokument falz f’inċident tat-traffiku

Il-liċenzja tas-sewqan kienet diġà revokata mill-qorti.

Aqra wkoll

Haled Alsahud Ualid, ta’ 25 sena, ittella’ b’arrest quddiem il-qorti nhar il-Ħamis, hekk kif ġie akkużat li saq mingħajr liċenzja, mingħajr ma’ kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni dwar ir-riskji għal terzi persuni, kif ukoll li wera dokument falz sabiex jikseb xi vantaġġ jew benefiċċju għalih.

Il-każ seħħ fil-31 ta’ Marzu għall-ħabta tal-5:30pm, meta uffiċjala tal-LESA nfurmaw lill-pulizija li kien hemm persuna involuta f’kollużjoni f’Ħaż-Żebbuġ. Skont l-informazzjoni mogħtija fil-qorti, l-uffiċjala tal-LESA li kienu fuq il-post interrogaw lis-sewwieq involut, identifikat bħala Ualid. Hu allegatament wera permess ta’ residenza li kien ta’ persuna oħra.

Dan qajjem suspett, partikolarment minħabba li d-dettalji ma kinux jaqblu mal-identità tiegħu. Il-qorti semgħet ukoll kif l-uffiċjala tal-LESA ħadu ritratt tad-dokument permezz tas-sistema tat-‘traffic accident reporting’, fejn jidher ċar li d-dokument ma kienx jappartjeni lill-akkużat. Għalhekk, huma ċemplu lill-puliżija.

Minħabba l-fatt li l-akkużat wera dokumenti foloz, u l-fatt li l-unika permess ta’ residenza li kellu kien wieħed Bulgaru, il-pulizija kklassifikaw is-sitwazzjoni bħala waħda li tinvolvi immigrant ipprojbit, każijiet li normalment iwasslu għal arrest immedjat.

Meta mistoqsi dwar l-inċident innifsu, ir-raġel stqarr li ma weġġgħax, iżda spjega li persuna kienet qed taqsam minn fuq zebra crossing meta ma rahiex, u għalhekk għafas il-brejk iżda xorta waħda spiċċa ħabat mal-vettura ta’ quddiemu.

Mill-investigazzjonijiet irriżulta wkoll li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu kienet diġà revokata mill-qorti.

Il-validità tal-arrest ma ġiex ikkontestat min-naħa tad-diviża.

L-akkużat għażel li jwieġeb ħati għall-akkużi kollha, fejn il-maġistrat wissietu li ammissjoni ta’ ħtija tista’ twassal għall-piena ta’ ħabs, multa, kif ukoll li jħallas għad-danni li soffriet il-vittma.

Għalhekk, il-qorti kkundannat l-akkużat għal sentenza ta’ priġunerija ta’ sentejn, sospiżi għal erba’ snin, flimkien ma’ multa ta’ €2,350. Il-qorti skwalifikatu milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ 12-il xahar, kif ukoll li jħallas €708 lill-vittma.

L-Ispettur James Mallia pprosekuta, filwaqt li l-avukat difensur Keith Borg deher għall-akkużat.

Il-Maġistrat tal-Għassa Ann-Marie Thake ippresediet fuq is-seduta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport