Raġel ta’ 30 sena residenti ix-Xagħra, Għawdex, ġie arrestat wara li nstab fil-pussess ta’ 300 gramma sustanza allegatament kokaina, b’valur fis-suq li jaqbeż it-€30,000.
Ir-raġel kien arrestat ilbieraħ waqt li l-pulizija kienu qegħdin iwettqu spezzjonijiet fi Triq ixXatt, Għajnsielem, fit-3:00 p.m. Ir-raġel, li kien nieżel minn fuq vapur fil-Port tal-Imġarr, beda jaġixxi b’mod suspettuż xħin lemaħ lill-pulizija.
Għaldaqstant avviċinawh u fi tfittxija li saret fuqu, f’pouch li kien marbut ma’ qaddu, il-pulizija sabu pakkett tal-plastik imdawwar b’tape kannella li kien fih sustanza bajda, suspettata droga kokaina.
Ir-raġel ġie arrestat minnufih, u ttieħed l-għassa għall-interrogazzjoni u wara ttieħed fil-lockup tal-Pulizija, ir-Rabat, Għawdex. ll-Maġistrat Dr Brigitte Sultana LL.D ġiet infurmata bil-każ u fetħet Inkjesta Maġisterjali.
Illum waranofsinhar, ir-raġel tressaq b’arrest fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Dr Simone Grech LL.D fejn kien akkużat b’pussess u traffikar ta’ droga.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi, madankollu baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin