Raġel ingħata ordni ta’ probation wara li nstab ħati li fl-2022 kien ta’ fastidju sesswali lil żewġ nisa. Hu kien ħadhom Kemmuna permezz ta’ dgħajsa. Isem ir-raġel ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti. Hu nstab ħati wkoll li ssuġġetta waħda mill-imsemmija vittmi għal atti mhux kunsenswali ta’ natura sesswali.
Waħda mit-tfajliet xhedet quddiem il-Qorti li hi u ħbieb tagħha kienu offruti trasport b’xejn lejn Kemmuna. Dan seħħ meta kienu avviċinati mill-akkużat waqt li kienu qegħdin jistennew biex titlaq il-lanċa li huma kienu għadhom kemm ibbukjaw.
Huma ddeċidew li jieħdu din l-offerta tant li anke offrilhom li jeħodhom dawra ma’ Kemmuna. Hekk kif resqu lejn il-gżira, l-akkużat kien staqsa lin-nisa jekk ħadux pjaċir jgħoddsu minħabba li hu kien issuġerilhom li jaqbżu l-baħar. Hu qallhom ukoll li seta’ jeħodhom qrib l-għerien li hemm u jistgħu jerġgħu jinżlu jgħumu.
Iż-żewġ tfajliet kienu sabu ruħhom waħidhom f’wieħed mill-għerien mal-akkużat, u kien hawn li beda imisshom b’mod eċċessiv. Huma telqu mill-għar bl-akkużat jgħum wara n-nisa.
Skont ix-xhieda tat-tfajla, l-akkużat kien neħħilha l-goggles u beda jitbewwes magħha u anke jmissilha l-partijiet tagħha. Xehdet li għalkemm l-att ma kienx kunsenswali, hija ma rreżistitx lir-raġel b’qawwa kbira biex tevita li r-raġel ma jirrabjax.
It-tfajla qalet li l-ħabiba tagħha qatt ma setgħet tara dan kollu għax kienet qiegħda tgħum quddiemhom. Fix-xhieda, it-tfajla għamlet referenza wkoll għaċ-ċant sesswali li beda jgħid l-akkużat waqt li kienu fuq id-dgħajsa.
Min-naħa tiegħu l-akkużat li għażel li jixhed f’dawn il-proċeduri qal li n-nisa kellhom magħhom turist Slovakk meta ħarġu mill-għar li kienu qegħdin jgħumu fih, filwaqt li ċaħda li b’xi mod ipprova jabbuża b’mod sesswali lit-tfajliet.
Id-difiża qalet li fil-provi hemm diversi inkonsistenzi. Ġie nnutat ukoll li t-tfajla setgħet faċilment twaqqaf lill-akkużat milli jbusha.
Iżda l-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li kien ippruvat biċ-ċar li waħda min-nisa kienet suġġetta għal att fiżku imbarazzanti u mhux kunsenswali.
B’hekk ir-raġel instab ħati u ngħata ordni ta’ probation valida għal tliet snin. Il-Qorti nnutat li r-rimarki tal-Uffiċjal tal-Probation ġew ikkunsidrati kif suppost biex tintlaħaq il-piena xierqa li għandha tingħata.
L-avukati Matthew Xuereb, Alex Scerri Herrera u Larry Formosa assistew lill-akkużat.