Raġel ta’ 66 sena residenti Ħaż-Żebbuġ tressaq il-Qorti nhar it-Tlieta akkużat li wettaq abbuż sesswali fuq tifla vulnerabbli li tbati bl-awtiżmu u bl-ADHD. It-tifla kienet tiġi fdata fil-kustodja tiegħu biex jattendiha għal-lezzjonijiet privati fil-garaxx tal-familja.
Skont il-prosekuzzjoni, l-allegat abbuż beda fl-2019, meta t-tifla kellha madwar tmien snin, u baqa’ għaddej sal-2024. Intqal li l-allegati fatti seħħew f’diversi lokalitajiet, fosthom Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, u anke fil-Ġermanja.
L-imputat, Innocent Sciberras li jaħdem part-time bħala steward mal-MFA, ġie akkużat li wettaq atti ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tal-minuri. Fost l-oħrajn, huwa allegat li kien ineżżagħha, imissilha l-partijiet privati tagħha, u jbusha fuq xofftejha. Sciberras wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Fil-Qorti ntqal ukoll li l-akkużat kien qrib ħafna tal-familja tat-tifla u li kienu jqattgħu ħafna ħin flimkien għal snin twal.
Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest u sostniet li l-allegazzjonijiet ma kinux riċenti, peress li allegatament waqfu sentejn ilu. Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, billi enfasizzat is-serjetà kbira tal-akkużi, ir-relazzjoni preċedenti bejn l-akkużat u l-familja, u l-fatt li xhieda importanti, fosthom il-minuri u membri tal-familja, għad iridu jixhdu. Il-prosekuzzjoni rrimarkat ukoll li kien hemm indikazzjonijiet li l-akkużat diġà pprova jinfluwenza jew jikkontamina l-evidenza.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fid-dawl tal-gravità tal-akkużi u l-istadju tal-proċeduri.
Id-difiża tmexxiet mill-avukat Leslie Cuschieri, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi tal-Pulizija Ryan Vella u Dorianne Tabone. Il-każ kien presedut mill-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil.

