Saturday, December 21, 2024

Raġel jista’ jiġi deportat wara argument mal-eks sieħba

… Il-pulizija ssib li huwa kien qed jgħix Malta illegalment

Aqra wkoll

Raġel ta’ 29 sena mill-Kolombja iżda residenti s-Swieqi jista’ jiġi deportat wara li argument vjolenti mal-eks sieħba tiegħu wassal lill-pulizija sabiex dawn isibu li huwa kien qed jirrisjedi Malta illegalment. 

L-inċident seħħ bejn il-Ħadd u t-Tnejn meta argument bejn Sebastian Espejo Ospina u l-eks sieħba tiegħu eskala sal-punt li sar vjolenti u anke twettqet ħsara fuq proprjetà ta’ terzi.

L-ebda parti ma jidher li sofriet xi ġrieħi fiżiċi. Il-mara kienet għamlet rapport lill-pulizija, u mill-investigazzjonijiet tagħhom irriżulta li l-allegat aggressux kien qiegħed jgħix Malta illegalment. 

Huwa tressaq l-Erbgħa li għadda fil-Qorti mixli li insulta u hedded lill-eks sieħba tiegħu b’mod li qabeż il-limitu ta’ provokazzjoni, li ħebb għaliha u kkawża ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor. 

Huwa ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, bil-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tikkundannah xahrejn ħabs sospiżi għal sitt xhur. 

Il-każ tiegħu issa jaqa’ taħt il-kompetenza tal-pulizija tal-immigrazzjoni li għandhom jieħdu ħsieb il-proċess li jwassal għad-deportazzjoni tiegħu. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon.

Ekonomija

Sport