Saturday, November 23, 2024

Raġel jistenna li jgħaddi ġuri dwar sess ma’ tifla ta’ 11-il sena

Aqra wkoll

Barrani li jgħix Malta qed jiġi mixli li wettaq atti sesswali ma’ tifla ta’ 11-il sena.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu fis-26 ta’ Novembru 2015 meta omm it-tifla marret magħha fl-għassa tar-Rabat biex tagħmel rapport fil-konfront ta’ Christoph Doll li dak iż-żmien kellu 31 sena.

It-tifla allegat li kellhom atti sesswali flimkien diversi drabi fir-residenza tiegħu fir-Rabat.

Ir-raġel u t-tifla ltaqgħu għall-ewwel darba waqt party u minn hemm ‘il quddiem huwa sar ħabib tal-familja tagħha.

It-tifla anke żiditu bħala ħabib fuq il-Facebook u fuq il-Messenger allegatament bdew isiru diskursati ta’ natura sesswali.

Hija bdiet tmur id-dar tiegħu fejn allegatament kienu involuti f’sess orali anke fix-shower.

Dejjem skont it-tifla huwa kien anke talabha tibgħatlu ritratti għarwiena fuq il-WhatsApp u huwa kien jibgħatilha ritratti tiegħu għarwien u anke ritratti ta’ nisa oħra bla ħwejjeġ.

Kien wara li t-tifla waqqfet il-kuntatt miegħu li qalet lil ommha dak li ġara u sar ir-rapport lill-Pulizija.

Doll tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati mill-Ispettur Paula Ciantar u peress li l-każ mistenni jiġi deċiż b’ġuri l-Avukat Ġenerali qed jitlob li jekk jinstab ħati jeħel piena ta’ seba’ snin ħabs.

Waqt it-trattazzjonijiet li jsiru qabel il-ġuri r-raġel, li qed jiċħad dawn l-akkużi, ilmenta li meta l-pulizija ħadulu stqarrija ma kellux avukat jassistih.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera laqgħetlu t-talba u ordnat li l-imsemmija stqarrija ma titressaqx bħala prova fil-ġuri li għad irid jgħaddi.

Sport