Irlandiż ta’ 76 sena tilef ħajtu traġikament meta sab ruħu f’diffikultajiet waqt li kien qiegħed jgħum f’San Ġiljan.
Fi stqarrija l-Pulizija qalu li huma ġew informati għall-ħabta tas-12.40pm li kien hemm bżonn l-għajnuna f’Xatt is-Sajjieda, San Ġiljan.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post fejn innutaw il-persuna fil-baħar u minnufih intalbet l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Forzi Armati ta’ Malta. Wara li r-raġel ittella’ l-art, ingħata l-assistenza minn tim mediku, iżda sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia LL.D kien infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.
Aktar kmieni: Raġel jitlef ħajtu f’bajja f’San Ġiljan
Raġel tilef ħajtu waqt li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qiegħed jgħum f’Bajja f’San Ġiljan.
Dan is-sit jinsab informat li r-raġel hu turist u kien qiegħed jgħix f’waħda mil-lukandi li hemm fl-inħawi.
Fuq il-post bħalissa hemm numru ta’ pulizija jinvestigaw dan il-każ.