Ilbieraħ, għall-ħabta tas-6:30 p.m., il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fil-bajja tal-Għadira, il-Mellieħa. Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li raġel ta’ 55 sena residenti l-Mellieħa, sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jgħum.
Xi nies li kien hemm fil-viċin taw l-ewwel għajnuna u tellgħu lir-raġel mill-baħar. Il-vittma tkompla jingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara. ll-Maġistrat Dr Joseph Mifsud LL.D ġie infurmat bil-każ u fetaħ Inkjesta Maġisterjali. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.