Thursday, November 13, 2025

Raġel li daħal f’Malta bi 3.5kg eroina fil-bagalja kkundannat 16-il sena ħabs

Aqra wkoll

Marcin Bieszczad ta’ 47 sena mill-Polonja ġie kkundannat 16-il sena ħabs wara li ammetta li importa f’pajjiżna d-droga eroina bi skop tat-traffikat.

Kien fid-19 ta’ Frar tal-2023 meta l-imputat kien twaqqaf mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga hekk kif wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’titjira minn Frankfurt. 

Huwa ġie mistoqsi dwar iż-żjara tiegħu f’Malta, u wara l-Pulizija talbuh iċ-ċavetta biex jiftħu l-bagalja.

Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni qalet li hawn hekk l-atteġġjament tiegħu kien inbidel u fi tfittxija li saret mill-Pulizija u l-Uffiċjali tad-Dwana fil-bagalja sabu pakkett bid-droga f’qiegħ falz.

Minn testijiet forensiċi ħareġ li t-trab tad-droga kien eroina b’piż totali ta’ 3.5 kilogramma u b’purità ta’ madwar 35%, u b’valur fis-suq ta’ bejn €210,000 u €273,000.

Hu kien mixli li importa l-eroina f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu u b’pussess aggravat. Hekk kif tressaq il-Qorti hu kien ċaħad l-akkużi kontrih, iżda waqt seduta f’Ottubru li għadda ammetta l-akkużi wara li kien hemm qbil dwar il-piena bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, qablet mal-piena proposta u kkundannat lil Bieszczad 16-il sena ħabs, li minnhom irid jitnaqqas iż-żmien li dam arrestat. Huwa kien ordnat ukoll iħallas multa ta’ €23,000 u jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-esperti li jlaħħqu €7,370.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport