Raġel ta’ 37 sena residenti l-Furjana tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fejn ġie akkużat bil-pussess u t-traffikar ta’ sustanza psikoattiva ġdida fil-Marsa.
Il-Prosekuzzjoni qalet li kien fit-18 ta’ Frar li għadda meta l-akkżuat kien fi Triq is-Serkin, Rittmar Hatherly kien bilwieqfa ħdejn vettura abbandunata ma’ xi nies.
Il-Pulizija għamlu tfittxija fuqu u sabu ftit aktar minn €300 fi flus kontanti filwaqt li fil-basket kellu 16-il qartas sustanza sintetika.
Waqt li kienet qiegħda ssir din it-tfittxija hu ħarab mill-kustodja tal-pulizija, iżda ftit tal-jiem wara hu mar jiffirma l-għassa bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor.
Waqt l-interrogazzjoni, il-Pulizija staqsewh għaliex kien reġa’ mar jiffirma meta kien ilu ma jagħmel hekk għal xi żmien. Hu qallhom li xi ħadd kien qallu biex imur jiffirma skont il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti u biex “jekk għandhom jarrestawk, jarrestawk”.
Quddiem il-Qorti, ir-raġel wieġed mhux ħati tal-akkużi kontrih filwaqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Id-difiża qalet li hu għandu problema tad-droga u kien lest li jindirizzaha.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-Maġistrat Astrid May Grima ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest waqt li ħarġet ukoll ordni ta’ qbid u ffriżar tal-assi tiegħu.