Christian Calì ta’ 25 sena residenti l-Gżira, li fil-qorti qal li jaħdmu fil-kostruzzjoni, wieġeb mhux ħati għall-akkużi li ħebb għal raġel, imbuttah fit-triq u li kawża t’hekk intlaqat minn vettura li kienet għaddejja u spiċċa fil-periklu tal-mewt.
Hu tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Monica Vella fejn ġie mixli li li kkawża ġrieħi gravi lil raġel, ħebb għalih, heddu u insultah.
Hu wieġeb mhux ħati wkoll li kiser il-paċi pubblika, li kien fis-sakra f’post pubbliku, li kkaġuna ħsara fi proprjetà ta’ terzi minħabba negliġenza u li kien riċediv.
L-Ispettur James Turner spjega quddiem il-Qorti kif nhar is-Sibt, 22 ta’ Novembru, kien ġie mgħarraf li surġent tal-pulizija kien arresta lil Calì b’rabta ma’ dan il-każ. Spjega li Calì kien fis-sakra meta filgħodu kmieni kellu argument ma’ raġel ieħor f’ħanut f’San Ġiljan.
Spjega li l-argument kompla barra u Calì allegatament imbotta lir-raġel u spiċċa ntlaqat minn vettura li kienet għaddejja. L-Ispettur Turner qal quddiem il-Maġistrat li l-vittma għamel xi żmien fil-periklu tal-mewt u dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali.
Calì ġie mitkellem mill-pulizija u nħeles taħt diversi kundizzjonijiet sakemm tressaq il-Qorti.
Id-difiża, immexxija mill-avukat José Herrera, talbet il-ħelsien mill-arrest, għax, qalet li minkejja li, il-proċess għadu fi stadju bikri, ix-xhieda kollha diġà ngħatat fl-inkjesta.
L-Avukat Herrera qal li għalhekk m’hemmx biża’ ta’ intralċ ta’ provi. Argumenta li Calì qed jgħix f’xelter u jekk jinżamm arrestat jista’ jitlef postu, u x’ħin jingħata l-ħelsien mill-arrest se jispiċċa bla saqaf fuq rasu u mingħajr xogħol. Kompla jgħid li għad irid jiġi stabilit jekk l-inċident setax kien “act of God” aktar milli wieħed intenzjonat.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-avukat Miriayah Borg mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest. Qalet li l-vittma jinsab f’qagħda kritika u li l-akkużat kien ingħata l-ħelsien mill-arrest sakemm il-Pulizija għamlet il-verifikazzjonijiet neċessarji qabel ma nħarġu l-akkużi. Spjegat li dawn il-verifiki ma setgħux isiru fi żmien it-48 siegħa legali ta’ detenzjoni.
L-avukat Borg qalet li l-akkużat kien fis-sakra minn kmieni filgħodu. Spjegat li l-akkużat ma kienx jaf lill-vittma u li għandu storja kriminali kkulurita. Għal dan, l-avukat Herrera, wieġeb li jista’ jkun li l-vittma waqa’ b’mod aċċidentali minn fuq il-bankina u ntlaqat minn vann li kien għaddej.
Il-Maġistrat Monica Vella, wara li semgħet liż-żewġ partijiet ta l-ħelsien mill-arrest lill-akkużat wara li ħadet konsiderazzjoni li qed jaħdmu fuqhu nnifsu, li għandu impjieg u anke post fej njgħix.
Qieset li jekk jinżamm arrestat jista’ jitlef xogħlu u fejn jgħix. Il-Maġistrat Vella spjegat li l-ġustizzja ma tistax tkun ta’ ostaklu għal raġel li qed jipprova jtejjeb ħajtu. Għalhekk, Calì, inħeles mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000. Ordnatlu biex jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa u ħarġet ordni ta’ superviżjoni.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Miriayah Borg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Pulizija James Turner.
L-avukati José Herrera u Naomi Spiteri dehru għall-akkużat.


