Saturday, December 21, 2024

Raġel li salva mill-bomba ta’ Hiroshima jitkellem fil-75 anniversarju dwar dak li kien ġara

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Takashi Tanemori mar lejn l-Istati Uniti fl-1956 fl-età ta’ 19-il sena. Hu kellu biss ħsieb wieħed f’moħħu, jiġifieri li jagħmel xi forma ta’ vendikazzjoni mill-bomba atomika f’Hiroshima fil-Ġappun, li qatlitlu lill-familja tiegħu. 

Kienu l-Amerikani li tefgħu din il-bomba, qatlulu lil familtu u b’mod speċjali lil missieru li tant kien iħobb. 

Iżda llum, wara li kien ilu jiġġieled mal-emozzjonijiet tiegħu għal 40 sena, Tanemori bidel il-fehma tiegħu minn vendikazzjoni għal maħfra. 

Dan ir-raġel esperjenza diversi avvenimenti li biddlulu ħajtu. Fosthom tah attakk tal-qalb fl-1982 u mbagħad tilef id-dawl t’għajnejh minħabba l-bomba fl-1983. Iżda mill-1985, Tanemori beda jxerred il-messaġġ ta’ paċi permezz tal-maħfra u ħoloq anke organizzazzjoni bl-isem ta’ Silkworm Peace Institute biex jagħmel dan. 

Madankollu, il-Ġappuniż għadu jiftakar dak kollu li ġara fis-6 ta’ Awwissu 1945. Jirrakkonta li kien hemm bħal berqa u s-sema nbidlet f’kulur abjad pur. 

Kien għad kellu tmien snin u jiftakar jilgħab nogħli ma’ tfal subien oħra. Jiftakar li kien hemm uħud minn sħabu li bdew jibku għax kienu nħarqu u bdew jgħajtu għall-għajnuna. Iżda mbagħad il-biki waqaf. Kien suldat li ħarġu mit-tifrik u refgħy f’idejh. Ġarru lejn ix-xmara li tgħaddi minn Hiroshima u fit-triq raw mara li kienet qiegħda ġġorr tarbija fuq daharha. It-tarbija kienet bla ras. 

F’din it-traġedija, Tanemori tilef sitt membri tal-familja, fosthom il-ġenituri u n-nanniet. Oħtu l-kbira, li kellha 16-il sena u oħtu tarbija ta’ 14-il xahar ukoll kienu maqtulin. Min-naħa l-oħra, Tanemori, flimkien ma’ żewġ ħutu oħra bniet u ħuh iż-żgħir salvaw u baqgħu jgħixu flimkien wara.

Tanemori hu wieħed mit-2% tan-nies li salvaw minkejja li kienu jgħinu f’inqas minn mil minn fejn faqqgħet il-bomba atomika.

Il-Ġappuniż, li ġej minn familja ta’ samuraj, tkellem dwar is-sens ta’ dover u unur tal-Ġappuniżi. Qal li hu mar l-Amerika biex jagħmel vendetta, madankollu jħoss li ddiżappunta lill-familja tiegħu, b’mod speċjali lil missieru. Qal li hu ried li l-Amerikani jsofru bl-istess mod li sofra hu meta tilef lil familtu. 

Filwaqt li hu beda jaħdem fil-kamp tax-xogħol tal-Kawasaki f’Kalifornja, hu sofra minn avvelenament u kellu jittieħed l-isptar. Peress li kien bniedem li salva mill-bomba, hu ntuża għal ħafna testijiet rigward ir-radjazzjoni. Madankollu, kien hemm infermiera li saret ħabiba tiegħu u ħallietu jitlaq, filwaqt li hi u żewġha baqgħu jieħdu ħsiebu. 

Il-Ġappuniż attenda kulleġġ u anke fetaħ ristorant Ġappuniż. Iżda dan kellu jingħalaq wara li sofra minn attakk tal-qalb peress li kien qed jaħdem 20 siegħa kuljum, għal sebat ijiem fil-ġimgħa. 

Sena wara, Tanemori beda jitlef id-dawl t’għajnejh u t-tobba qalulu li dan kien riżultat tar-radjazzjoni li kien espost għaliha. 

Iżda kien hawn li Tanemori wasal biex ibiddel fehemtu dwar il-vendetta li ried jagħmel mill-Amerikani. Bintu qaltlu li jekk hu joqtol lit-tfal Amerikani, dawn se jagħmlu l-istess magħhom. Għaldaqstant, hu ddeċieda li jaħfer. 

Eventwalment, Tanemori sar artisti u kittieb, filwaqt li kien jaħdem kontra l-gwerra. Kien jidher f’diversi esibizzjonijiet tal-arti, waqt attivitajiet ta’ tifkira ta’ Hiroshima u anke quddiem gruppi ta’ kontra l-gwerer. 

Ekonomija

Sport