Sunday, November 24, 2024

Raġel li spiċċa b’xedaq imkisser b’pistola ħarab mill-pajjiż sforz il-biża’ li ħakmitu

Aqra wkoll

Raġel li spiċċa b’xedaq imkisser b’pistola waqt argument kien ħarab minn Malta ftit tal-jiem wara għax beża’ li ħajtu tinsab fil-periklu.

L-Ispettur James Mallia xehed li r-raġel kien qal lill-pulizija li r-raġel telaq minn Malta minħabba li kien imbeżża’ minn dak li allegatament aggredieh billi “kien jaf ħafna persuni” u kien jemmen li seta’ jibgħat lil xi ħadd biex joqtlu.

L-Ispettur Mallia kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Ian Zammit ta’ 34 sena miż-Żejtun, li jinsab mixli li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq il-vittma waqt argument dwar €600 li kienu ġew nieqsa. Isem il-vittma ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti.

Huwa spjega lill-Maġistrat Elaine Rizzo kif il-pulizija bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha fit-28 ta’ Settembru meta l-vittma kien mar jirrapporta l-għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ b’wiċċu kollu dmija.

Huwa kien allega li kellu argument ma’ raġel magħruf bħala x-Sugar, li huwa magħruf sew mal-pulizija. Kompla jallega mal-pulizija li Zammit l-ewwel ippuntalu l-pistola ma’ rasu imbagħad beda jxejjirha bil-konsegwenza li laqtu biha f’ħalqu. Il-vittma spiċċa tlitt ijiem l-Isptar u ma setax jitkellem għax kellu ksur fix-xedaq.

L-Ispettur qal ukoll li kienet diffiċli għall-pulizija li jsibu lill-imputat, billi kien jiċċaqlaq minn residenza għall-oħra kważi l-ħin kollu. Eventwament l-imputat kien arrestat fiż-Żejtun.

Minn tfittxija li saret fir-residenza tiegħu nstabu ammont ta’ flus kontanti, iPhone u Apple Watch, munizzjon u numru ta’ mobile phones. Insabu wkoll crach cocaine, 29 ċavetta u remote ta’ garaxx.

Min-naħa tiegħu, Zammit kien qal lill-pulizija li huwa kellu argument mal-vittma dwar €600 li kienu ġew nieqsa mill-pouch tiegħu.

Dwar il-vittma, l-Ispettur qal li kien ċempillu bejn 40 u 50 darba qabel ma rnexxielu jaqbdu. Huwa qal li kien “imbeżża’” mill-imputat u kien għalhekk li ħarab mill-pajjiż.

Il-vittma kellu jixhed permezz ta’ video conference matul is-seduta tal-Ġimgħa iżda din ġiet sospiża wara li l-Qorti ġiet infurmata li kellu jixhed b’kawtela minħabba li l-investigazzjoni tal-pulizija għadha għaddejja.

Il-każ ikompli aktar tard dan ix-xahar.

L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għal Zammit.

Sport