Impjegat tal-isptar li kien instab ħati li aggredixxa kollega waqt tilwima dwar kunsinna tal-ikel ġie illiberat fl-appell, wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali kkonkludiet li aġixxa biex jiddefendi lilu nnifsu.
F’sentenza mogħtija nhar il-Ġimgħa, il-qorti, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, qalbet il-kundanna kontra Ryan Psaila u annullat kemm multa ta’ €1,000 kif ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin maħruġa qabel favur l-ilmentatur, Harold Falzon.
Il-każ inqala’ minn inċident fl-Isptar Mater Dei filgħaxija tal-1 ta’ Frar 2024. Psaila kien akkużat li hedded jew insulta lil Falzon u li kkawżalu ġrieħi ħfief waqt konfrontazzjoni bejniethom. F’Ottubru 2025, il-Qorti tal-Maġistrati lliberat lil Psaila mill-ewwel akkuża iżda sabitu ħati ta’ aggressjoni, u imponiet multa u ordni ta’ protezzjoni. Psaila appella din id-deċiżjoni.
F’każ separat dwar l-istess inċident, Falzon ukoll instab ħati u ġie mmultat.
Il-konfrontazzjoni nqalgħet minn kunflitt dwar kunsinna tal-ikel fejn Psaila kien avviċina lil Falzon wara li dan allegatament ġabar l-ordni tiegħu stess mingħand courier iżda ma ġabx ikel ordnat minn kollegi.
Xhieda li kienu preżenti fuq il-post xehdu li Falzon ta l-ewwel daqqa ta’ ponn, u madanakollu, is-sitwazzjoni malajr eskalat, fejn Psaila spiċċa imkaxkar mal-art u Falzon fuqu.
Ix-xhieda indikat li Psaila kien maqbud minn għonqu waqt it-taqbida, u qal lill-qorti li ppanikkja u pprova jimbotta lil Falzon ‘il bogħod sabiex jeħles lilu nnifsu. Iż-żewġt irġiel sofrew ġrieħi ħfief.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell innotat inkonsistenzi fir-rakkont ta’ Falzon u tat importanza lix-xhieda okulari li appoġġjat l-verżjoni tal-ġrajjiet ta’ Psaila. Il-qorti sabet li l-kundizzjonijiet għal difiża leġittima kienu ssodisfati.
F’dan ix-xenarju, il-qorti stqarret li l-aġir ta’ Psaila jġib miegħu l-impunità u għalhekk huwa ma kellux jinstab ħati, għalhekk ir-rispons tiegħu kien proporzjonat fid-dawl taċ-ċirkostanzi. L-appell sfida is-sentenza oriġinarja fuq il-bażi li naqset minn raġunament xieraq.
Waqt li l-qorti ċaħdet l-argument li d-deċiżjoni kienet waħda invalida, straħet fuq l-importanza ta’ spjegazzjoni ġudizzjarja ċara, fejn mhux biss tkun assigurata t-trasparenza tal-ġudizzju imma wkoll biex tkun tista’ tiġi verifikata l-ġustizzja tal-ġudikat b’mod speċjali fejn ikun hemm id-deprivazzjoni tal-liberta’.
Il-qorti għalhekk illiberat lil Psaila minn kull akkuża.

