Raġel ta’ 44 sena mill-Gambja li jgħix il-Ħamrun ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li kien qed ibigħ id-droga fl-inħawi tal-Marsa u l-Ħamrun.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija waslitilha informazzjoni li barrani kien qed isuq e-kick scooter u allegatament ibigħ id-droga. Meta l-Pulizija waslet fuq il-post u sabet lill-imputat, saret tfittxija fuqu u fl-iscooter li kien biha l-imputat. Intqal li allegatament instabu qartas suspettat kannabis, joint u 9 qratas allegata kannabis sintetika.
Fil-Qorti ħareġ li fuq ir-raġel instabu 5.5 grammi taħlita ta’ ħaxixa tal-kannabis u kannabis sintetika. Fir-residenza tiegħu nstabu wkoll 1.5 gramma ta’ ħaxixa tal-kannabis.
Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Jacob Magri għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bir-raġuni li l-ammont ta’ grammi li kellu fuqu l-imputat kienu legali u skont il-liġi. L-Avukat Magri spjega wkoll li d-droga kienet għall-użu personali tiegħu u mhux biex jagħmel bejgħ minnu.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat it-talba tad-Difiża minħabba l-fatt li l-imputat huwa immigrant illegali għax il-permesso di soggiorni tiegħu jinsab l-Italja u fuqu għandu biss passaport Gambjan. Sostniet li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, l-imputat se jkun imħeġġeġ iwettaq iktar reati biex ikun jista’ jgħix.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000, għalkemm ordnat l-iffriżar tal-assi tal-imputat.