Lawrence Abina ta’ 30 sena mill-Għana baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Rita Ellul ta’ 49 sena.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Bridgette Sultana, il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-każ seħħ is-Sibt li għadda għall-ħabta ta’ nofsinhar meta l-Pulizija ġiet infurmata li l-vittma nstabet mejta f’residenza fi Triq Dun Franġisk Mizzi, Għajnsielem.
Abina wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u l-Avukat Difensur Dr Joseph Galea ma talabx għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat.
Il-Maġistrat qrat l-akkużi miġjuba kontra l-imputat u qalet kif għal dawn l-akkużi fil-konfront tiegħu jista’ jeħel sa għomor il-ħabs.
Fl-awla kien hemm preżenza kbira ta’ uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll għadd ta’ qraba tal-vittma. L-Avukat Franco Debono deher għall-familja tal-vittma.
2:00 p.m: Jasal fil-Qorti l-akkużat bil-qtil ta’ Rita Ellul
Ir-raġel mill-Għana akkużat bil-qtil ta’ Rita Ellul għadu kif wasal fil-Qorti t’Għawdex.
Huwa se jkun qiegħed jitressaq quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana mixli b’omiċidju.
Intant aktar kmieni fuq il-vapur t’Għawdex qamet kommossjoni hekk kif qraba tal-vittma lemħu lill-akkużat waqt li kien qiegħed jiġi eskortat mill-pulizija fil-vettura tagħhom.
Aktar dettalji kif jaslulna…
8:30 a.m: Raġel mill-Għana se jitressaq il-Qorti t’Għawdex mixli bil-qtil ta’ mara mill-Iklin
Il-Pulizija qiegħda tinvestiga l-mewt ta’ mara li nstabet mejta f’residenza f’Għajnsielem Għawdex.
Il-każ seħħ fis-26 ta’ Frar li għadda meta fir-residenza fi Triq Dun Franġisk Mizzi nstabet mara ta’ 49 sena mill-Iklin mixħuta fuq sodda u fl-investgazzjonijiet preliminari tagħhom il-Pulizija kienu qegħdin jitrattaw il-każ bħala mewt għall-għarrieda.
Minkejja dan fl-aħħar sigħat ġie kkonfermat ir-riżultat tal-awtopsja li sar fuq il-katavru u l-Pulizija bdiet titratta l-każ bħala wieħed ta’ omiċidju.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Il-Pulizija kompliet bl-investigazzjonijiet konġunti bejn l-Iskwadra tal-Omiċidji flimkien ma’ dawk tad-Distrett li waslu immedjatament għall-arrest ta’ raġel mill-Għana.
Ir-raġel se jitressaq il-Qorti ta’ Għawdex taħt arrest, illum fis-1:30 p.m, akkużat bil-qtil tal-mara.