Persuna oħra ġiet arrestata b’rabta ma’ rapporti ta’ serq ta’ muturi f’diversi lokalitajiet. Il-Ħadd filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li f’Dawret Ħal Tmin, iż-Żejtun, hemm persuna li allegatament qiegħda tisraq mutur. Immedjatament l-pulizija marru fuq il-post fejn lemħu mutur wara siġra u li kellu ħsarat viżibbli mal-ignition.
Minnufih bdiet tfittxija fl-akwati fejn il-pulizija lemħet raġel fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas, Żejtun, li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat tas-suspettat. Ir-raġel, li huwa mil-Litwanja ġie arrestat.
Huwa se jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tal-10:30 a.m., quddiem il-Maġistrat Dr Nadine Sant Lia LL.D. Fl-aħħar ġimgħat, l-investigazzjonijiet dwar muturi misruqin wasslu għall-arrest ta’ mill-inqas ħames persuni oħra, fejn għaddejjin proċeduri fil-Qorti.