Monday, March 30, 2026

Raġel minn Ħaż-Żabbar arrestat fuq allegat sfruttament ta’ persuna b’diżabilità u rikatt

Aqra wkoll

Raġel minn Ħaż-Żabbar mixli li sfrutta persuna b’diżabilità billi ħa flus minn ċekkijiet tas-servizzi soċjali għal xhur sħaħ, b’allegazzjonijiet ta’ theddid u vjolenza

Raġel ta’ 58 sena residenti Ħaż-Żabbar, Robert Spiteri, tressaq il-Qorti akkużat li sfrutta persuna b’diżabilità billi allegatament ħa flus minn ċekkijiet tas-servizzi soċjali fuq perjodu ta’ madwar tmien xhur.

Skont il-Prosekuzzjoni, il-Pulizija rċevew informazzjoni li l-imputat kien qed jieħu flus regolarment mingħand il-vittma. Wara li segwew is-sitwazzjoni, allegatament ikkonfermaw il-każ permezz ta’ osservazzjoni diretta u anke evidenza bil-video li turi lill-vittma tagħti l-flus lill-imputat.

Intqal li l-imputat kien qed jieħu żewġ ċekkijiet kull tliet ġimgħat – wieħed ta’ madwar €130 u ieħor ta’ madwar €500. Allegatament, Spiteri kien jheddu lill-vittma li jekk ma jagħtihx il-flus kien se “jaqtagħlu ċ-ċekk”, jiġifieri jfixkel il-benefiċċji tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni żiedet li kien hemm ukoll inċident fejn il-vittma, wara li ġibed il-flus, allegatament ingħata daqqa ta’ krozza mill-imputat għax dan ried aktar flus mingħandu.

Il-Pulizija talbu mandat ta’ arrest fuq allegazzjonijiet ta’ rikatt u sfruttament ta’ persuna vulnerabbli. L-imputat ġie arrestat kmieni filgħodu, għall-ħabta tal-5:30am, waqt li kien f’faċilità tad-detox.

Fil-Qorti ntqal li l-vittma bħalissa qed tinżamm fl-Isptar Monte Carmeli għal raġunijiet ta’ sigurtà tagħha stess, fid-dawl tas-sitwazzjoni delikata u vulnerabbli tagħha. Il-Prosekuzzjoni enfasizzat li l-każ jitqies serju wkoll minħabba n-natura tal-vittma, li kieku kienet persuna oħra setgħet tirreaġixxi b’mod differenti.

Id-difiża ddikjarat li f’dan l-istadju mhux se titlob għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, iżda qed tirriserva d-dritt li tagħmel dan wara li tixhed il-vittma.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-ispettur Lydon Zammit u l-ispettur Keith Rizzo filwaqt li d-difiża kienet mmexxija mill-avukat Hose Herrera u Martina Herrera.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport