Illum, għall-ħabta ta’ 12:30 p.m., il-Pulizija ser tressaq raġel il-Qorti, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke.
Riżultat ta’ ġimgħat ta’ investigazzjonijiet intensivi u ħidma konġunta bejn il-Pulizija għall-Kommunità tal-Belt u l-Floriana u l-Pulizija tad-Distretti tal-Belt u Ħal Qormi, wasslu għall-arrest ta’ Libjan ta’ 29 sena b’rabta ma’ sensiela ta’ serqiet li seħħew fl-aħħar xhur mil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, il-Ħamrun u Ħal Qormi.
Allgatament, ir-raġel wettaq 22 serqa minn diversi karozzi u stabbilimenti, fejn fihom insterqu ammont sostanzjali ta’ oġġetti, fosthom flus kontanti, apparat elektroniku bħal mobile phones u tablets, kif ukoll ħwejjeġ u aċċessorji.
L-investigazzjonijiet wasslu biex ġie identifikat l-allegat ħalliel u kien arrestat nhar it-Tnejn li għadda fil-Marsa.