Sunday, November 10, 2024

Raġel mixli bi ħruq ta’ dgħajsa jintgħaraf minn tpenġija ta’ werqa tal-marijuana f’ġenbu

Aqra wkoll

Raġel li jinsab mixli li ta n-nar lil dgħajsa f’Tas-Sliema kien arrestat wara li ntgħaraf mit-tpinġija waqt l-analiżi tas-cctvs . Dan id-dettall ħareġ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud waqt li kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Wayne Delia ta’ 36 sena minn Santa Venera. Minbarra li ta n-nar lid-dgħajsa, Delia jinsab mixli li kiser tliet kundizzjonijiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest.

Fost dawk li ttellgħu jixhdu llum kien hemm is-sieħba tiegħu, Rosaria Maria Camilleri li għażlet li ma tweġibx għall-mistoqsijiet biex ma tinkriminax lilha nnifisha.

L-Ispettur Mario Sciberras xehed li waqt l-interrogazzjoni, Camilleri qaltilhom li Delia kien vittma tal-każ u li kienet ċerta li xi ħadd kien qabbdu jagħmel dan l-att. Ix-xhud qal li n-nar fuq id-dgħajsa kien ikkontrollat wara li persuna li nzertat għaddejja minn ħdejha intervjeniet biex xeħtet l-oġġett li kien qiegħed jaqbad fil-baħar.

Fuq id-dgħajsa nstabet ukoll landa tal-ħames litri li kienet nofsha mimlija bil-pitrolju kif ukoll fjuwil imxerred mad-dgħajsa. Sciberras spjega li meta raw is-cctvs, raw żewġ persuni fuq id-dgħajsa b’wieħed minnhom deher iferrex likwidu qabel qabeż minn fuqha u tefa’ xi ħaġa lejha.

L-Ispettur Sciberras qal fl-awla li mill-investigazzjoni sabu li sid id-dgħajsa kien Paul Gauci għalkemm meta kellmuh qalilhom li kien jużaha Keith Bezzina.

Huwa semma wkoll kif il-Pulizija identifikat żewġ numri tat-telefon li fuqhom sar kuntatt mal-akkużat b’wieħed ikun tas-sieħba tiegħu u l-ieħor ta’ ċertu Oivin Xuereb li kienu arrestati.

Min-naħa tiegħu Xuereb qalilhom li l-fjuwil kellu jkun għal barbecue u meta sar jaf mingħand Delia li kien se jintuża biex jaħarqu d-dgħajsa, wissih li seta’ jeħel sa tmien snin il-ħabs. Xehed kif għalkemm prova jaħbi l-landa bil-pitrolju, l-akkużat sabha xorta waħda. 

Xehed ukoll l-Ispettur Stephen Gulia stazzjonat fis-CID li spjega li fl-aħħar ta’ Lulju kien jaf li l-kollegi li jinvestigaw il-każi ta’ nirien kienu qed jinvestigaw dwar ħruq f’dgħajsa. Huwa kompla biex jixhed kif minn filmati tac-cctv li ġie muri kien jidher il-persuna li allegatament wettaq dan ir-reat u li hu kien jaf minn rapporti oħra li kellu l-akkużat mal-pulizija.

Minbarra li identifika lill-akkużat bħala Wayne Delia, Gulia qal li waqt li kien qiegħed jagħmel arrest ieħor fil-Ħamrun,  fit-3 ta’ Awwissu, huwa kien lemaħ lil Delia miexi fl-istess triq b’żaqqu barra. Minn hemm huwa kien qabbel tpenġija fuq in-naħa tax-xellug ta’ ġenbu ta’ werqa tal-marjuana u li minnha kkonferma li kien l-istess persuna li kien ġie muri mill-filmati tas-cctvs li juru x-xena tal-ħruq.

Fis-seduta xehdu wkoll Paul Gauci u Keith Bezzina li qalu kif jistmaw il-ħsara fuq id-dgħajsa tammonta għal madwar €778.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Colin Sheldon. Għal Delia qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb. L-Avukat Renè Darmanin qed jidher bħala parte civile f’isem is-sidien tad-dgħajsa.

Il-każ mistenni jkompli 20 ta’ settembru 10.00 a.m.

Sport