Friday, March 27, 2026

Raġel mixli bi stupru f’Ħal Far jinżamm arrestat

Aqra wkoll

Raġel ta’ 43 sena residenti Birżebbuġa nżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li stupra mara li kienet tgħix f’open centre, b’rabta ma’ każ li seħħ f’Ħal Far.

Raġel ta’ 43 sena residenti Birżebbuġa, Joseph Zahra, tressaq il-Qorti akkużat bi 13 -il akkuża fosthom stupru fuq mara li kienet tgħix f’open centre u li għamel atti sesswali fuq din il-mara mingħajr kunsens.

Fil-Qorti, Zahra wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Skont il-prosekuzzjoni, il-każ jinvolvi allegazzjonijiet li l-imputat darba minnhom talab lill-allegata vittma biex tmur miegħu u tkun l-għarusa tiegħu.

Allegatament, huwa stupraha ġewwa garaxx, fejn kien hemm ukoll xi klieb li kkawżaw biża’ lill-vittma. Aktar tard, jingħad li reġa’ avviċinaha u pprova jerġa’ jkollu relazzjoni intima magħha, iżda meta hija rrifjutat, allegatament taha daqqa f’ħalqha qabel ħalliha titlaq.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, fost oħrajn minħabba biża’ ta’ tfixkil fil-provi u wkoll fid-dawl li l-imputat allegatament kiser żewġ digrieti ta’ ħelsien mill-arrest fil-passat.

Wara li semgħet l-argumenti miż-żewġ naħat, il-Qorti ppreseduta mill-maġistrat Claire Starfrace Zammit ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Barra minn hekk, inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispetturi Wayne Buhagiar, Marshal Mallia u Antonello Magri flimkien mal-Avukat Jurgen Dalli f’isem l-Avukat Ġenerali. L-akkużat deher għalih l-Avukat Conrad Borg Manche.

Il-każ għadu għaddej quddiem il-Qorti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport