Sean Gerada ta’ 35 sena li għandu residenza f’Wied il-Għajn, iżda jgħix fir-Renju Unit baqa’ miżmum arrestat wara li kien mixli fil-Qorti b’involviment fi pjan biex jinġiebu sustanzi illeċiti miċ-Ċina.
Hu kien mixli wkoll li fil-kapaċità tiegħu personali, u bħala rappreżentant tal-kumpanija Axano Pharmaceuticals Limited, bejn Jannar 2023 u Diċembru 2024, wettaq ħasil ta’ flus; li ffalsifika dokument pubbliku; li ta stqarrija falza u li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex ibigħ jew jittraffika mediċina f’Malta bi ksur tal-liġi.
Il-Pulizija kienet diġà ressqet lil Elton Zammit dwar dan il-każ. Zammit li hu residenti l-Fgura kien mixli li ttraffika d-droga fuq id-Dark Web u li jbiegħ sensiela ta’ oġġetti u flus foloz inkluż tagħmir u apparat tal-Pulizija fuq l-internet.
Il-Prosekuzzjoni qalet li minn ivestigazzjonijiet li saru anke fuq il-mobile ta’ Zammit ġie stabbilit li t-tnejn li huma kellhom pjani biex iġibu sustanzi illeċiti miċ-Ċina.
Skont il-pjan tagħhom ġie allegat li Zammit kellhom jixtri d-droga miċ-Ċina, imbagħad jingħathom lejn il-Ġermanja u minn hemm imorru fir-Renju Unit biex imbagħad Gerada jinżel bihom Malta.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat kien se jasal Malta fis-16 ta’ Mejju u hekk kif wasal ġie arrestat.
Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia xehed Taddeo Cilia, il-foster father tal-imputat li spjega kif missier Gerada qatel lil ommu quddiem l-imputat u minn dakinhar sal-lum rabbih hu stess.
Qal li hu lest li joqgħod garanti għalih jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest u anke lest li jħallih li jbiddel il-karta tal-identità fuq ir-residenza tiegħu.
Il-prosekuzzjoni talbet li tinħareġ ordni ta’ qbid u ffriżar fil-konfront tal-imputat waqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li jgħix u jaħdem barra minn Malta u li għandu l-assi tiegħu u propjetà kummerċjali barra minn Malta.
Il-Maġistrat Farrugia laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għall-ordni ta’ qbid u ffriżar waqt li ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest u ħarġet ordni biex tiġi investigata r-rabta tal-akkużat ma’ Malta.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Alessia Schembri u Yvette Borg Cardona mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Clive Abela u Keith Caruana Darmanin waqt li l-Avukat Stefano Filletti qed jiddefendi lil Gerada.