Friday, November 22, 2024

Raġel mixli bl-importazzjoni ta’ 10 kilogrammi kokaina b’valur ta’ €1.3 miljun

Aqra wkoll

Sqalli ta’ 44 sena, li jaħdem bħala kaxxier, kien mixli bil-pussess u importazzjoni tad-droga kokaina. 

Fabio Palumbo tressaq aktar kmieni quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. 

Huwa kien wieħed minn tlitt irġiel li ġew arresti s-Sibt li għadda, wara li l-Pulizija ġabret informazzjoni li allegatament kien se jsir trasferiment ta’ droga f’pajjiżna.

Il-Pulizija kienet bdiet osservazzjoni fuq vettura li fiha kien hemm Taljan. Wara xi ħin, il-pulizija ċċirkondaw il-vettura f’San Pawl il-Baħar u minn tfittxija f’basket instabu għaxar pakketti li b’kollox jammontaw għal 10 kilogrammi sustanza suspettata droga kokaina. 

Fl-istess ħin, il-pulizija kompliet bl-osservazzjoni fuq iż-żewġ persuni l-oħra – Taljan u Albaniż, it-tnejn ta’ 40 sena – li ġew arrestati ftit tal-ħin wara f’Ħal Qormi.

Mill-investigazzjonijiet li saru jirriżulta li d-droga misjuba kienet tlaħħaq ‘il fuq minn €1.3 miljun fis-suq. 

Palumbo baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

L-Avukati Jacob Magri, Frank Anthony Tabone u Arthur Azzopardi dehru għall-imputat.

Sport