Saturday, December 21, 2024

Raġel mixli b’sensiela ta’ serq minn karozzi wara li nqabad fuq filmat

Aqra wkoll

Stephen Urry, raġel ta’ 44 sena residenti Raħal Ġdid tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li matul din is-sena wettaq diversi seriqet minn karozzi.

Fost l-oħrajn hu kien akkużat li seraq basket ta’ Burberry, kartiera tal-Gucci, nuċċali tar-Ray Ban u karti ta’ kreditu minn vetturi f’Raħal Gdid, il-Fgura u Ħal Tarxien.

Il-Prosekuzzjoni akkużat lil Urry li kkaġuna diversi ħsarat fuq l-istess vetturi li seraq minnhom kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor li għandu.

Quddiem il-Maġistrat, il-Prosekuzzjoni qalet li waħda mis-serqiet waslet biex isir l-arrest tar-raġel hekk kif inqabad minn kameras tas-sigurtà.

Ir-raġel fil-Qorti qal li hu m’għandux indirizz fiss filwaqt li wkoll wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Qal li żmien ilu għadda bord għax ibati mill-kundizzjoni tal-ADHD u li wkoll għandu problemi ta’ saħħa mentali.

Hekk kif id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ordnat li l-akkużat jibqa’ jinżamm arrestat fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brendan Hewer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispetturi Kurt Farrugia, Antonello Magri u Keith Rizzo.

Ekonomija

Sport