Raġel ta’ 43 sena baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li bejn Lulju tal-2024 u dak tal-2025, abbuża minn tifla ta’ 14-il sena.
Fil-Qorti ngħad li l-vittma, li hija l-għarusa t’ibnu, għamlet rapport l-għassa ta’ Raħal Ġdid fit-29 ta’ Settembru li f’perjodu ta’ sena hi u l-akkużat allegatament wettqu atti ta’ natura sesswali, inkluż dawk bla kunsens. Fit-2 t’Ottubru, għamlet rapport ieħor li kien qiegħed isegwiha, tant li mar ħdejn l-iskola tagħha.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li għad fadal xhieda li għad iridu jixhdu.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor Axiak ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li ma kellhiex serħan tal-moħħ li l-imputat kapaċi joqgħod mal-kundizzjonijiet li setgħu jiġu imposti fuqu, fosthom li ma jiġux avviċinati x-xhieda.
Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mtill-Avukati Miriayah Borg u Justine Brincat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Dorianne Tabone u Ryan Vella.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Rachel Tua dehret għall-imputat.