Kleon Andrikopoulos, Grieg ta’ 38 sena, baqa’ jinżamm arrestat wara li kien akkużat quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li ttraffika u importa 25kg droga kokaina minn Sqallija li l-valur tagħha fis-suq hu ta’ madwar €1.5 miljun.
Il-Prosekuzzjoni li kienet imexxija mill-Avukat Daniel Tabone ill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u l-Ispetturi Francesco Mizzi u John Leigh Howard qalu quddiem il-Maġistrat li nhar il-Ħamis 2 ta’ Ottubru li għadda għall-ħabta tad-9.15pm uffiċjali tad-Dwana kienu qed jagħmlu tfittxijiet għal għarrieda fuq katamaran li kien għadu kif wasal minn Pozzallo.
Fost id-diversi vetturi li twaqqfu kien hemm waħda tal-għamla Opel li kienu misjuqa mill-imputat. Fil-karozza deher li kien hemm diversi xkaffef b’kompartamenti li dehru li setgħu faċilment jinqalgħu.
Fi tfittxija li saret fil-vettura nsabu għodda li tintuża biex jintramaw cranes ħall-kostruzzjoni. L-imputat qal lill-uffiċjali li hu jaħdem ma’ kumpanija tal-cranes iżda meta fittxuha rriżulta li l-kumpanija kienet tal-appliances u dan kompla jqanqal suspett.
Fuq il-post issejħu l-Pulizija li arrestaw lir-raġel u meta l-karozza tiegħu ttieħded fil-garaxx tal-Pulizija u saret tftittxija fuqha rriżulta li kien hemm 25kg droga suspettat kokaina moħbijja.
L-Avukati Franco Debono u Nicholas MIfsud, li qed jidhru għall-akkużat, ikkontestaw il-validità tal-arrest u qajmu dubju dwaru minħabba l-lingwa u għax l-akkużat ma jifhimx Ingliż.
Madankolli l-prosekuzzjoni spjegat li l-Korp għandu ittra dwar id-drittijiet ta’ dawk arrestat b’kull lingwa u l-akkużat ingħata l-verżjoni Griega.
Il-Maġistrat Vella qalet li minkejja l-assistenza tal-interpretu, huwa ngħata d-drittijiet b’mod validu u qieset l-arrest li kien skont il-liġi.
Id-difiża oġġezzjonat għat-talba ta’ ordni ta’ ffriżar madankollu l-Maġistrat Vella laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u talbet għall-iffriżar ta’ flejjes u proprjeta immobbli tiegħu fejn jista’ jirċievi ftit aktar minn €13,000 fis-sena.