Raġel ta’ 41 sena residenti Ħaż-Żabbar wieġeb mhux ħati għal diversi akkużi li huma marbutin ma’ vjolenza domestika li allegtament saru fuq martu. Fil-Qorti l-imputat qal li jaħdem fl-istampar.
Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, il-Prosekuzzjoni qalet kif kien fil-belt tal-25 ta’ Lulju li għadda, għall-ħabta tal-12.15am kien daħal rapport fil-konfront tal-imputat.
Fir-rapport, il-mara allegat li kienu seħħew diversi argumenti bejn is-7 ta’ Ġunju u l-25 ta’ Lulju li għadda. Qalet li żewġha kien qiegħed jakkuża li kienet qiegħda ma’ xi ħadd ieħor. Allegatament hu kien jehddidha u f’argument partikolari tal-25 ta’ Lulju, kkaġunalha ġrieħi ħfief.
Wara li l-ħaddiema soċjali għamlu l-assenjar u mir-rapport ħareġ li l-allegat vittma kienet f’riskju għoli, il-Pulizija arrestaw lir-raġel mid-dar tiegħu f’Ħaż-Żabbar.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest u l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx. Il-prosekutur qal li l-vittma stess kienet inħasdet meta kienet mgħarrfa bl-arrest, u esprimiet sogħba li s-sitwazzjoni eskalat daqshekk.
L-allegat vittma nħarġet mid-dar u marret tgħix mal-ġenituri tagħha waqt li t-tifla li għandha għaxar snin marret tgħix ma’ omm missierha.
Fl-awla, l-akkużat deher emozzjonat ħafna filwaqt li d-difiża qalet li l-affarijiet eskalaw minħabba li l-imputat ma setax jaċċetta li r-relazzjoni ma’ martu kienet spiċċat u hi qiegħda ma’ raġel ieħor.
Il-Maġistrat Charmaine Galea laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma jistax isiefer jekk mhux bil-permess tal-qorti u ma jkellimx lil martu ħlief dwar affarijiet li jikkonċernaw lit-tifla, ma jersaqx ukoll lejn id-dar fejn qed toqgħod martu, u jiffirma kull ġimgħa fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar. Irid ukoll jidher il-Qorti meta jkun imsejjaħ u ntalab iħallas depożitu ta’ €500 u garanzija personali €3,000.