Monday, March 30, 2026

Raġel mixli li kien barra meta suppost ġewwa jgħid li mar jgħin lil ommu

Aqra wkoll

Duncan Debono ta’ 48 sena residenti Bormla baqa’ jinżamm arrestat wara li kien mixli li kiser diversi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti fosthom li kien barra meta suppost kien qiegħed f’daru.

L-Ispettur Gabriel Kitcher spjega quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li dan ir-reat seħħ fil-lejl ta’ bejn is-27 u t-28 ta’ Marzu li għadda.

Il-prosekuzzjoni spjegat kif fil-lejl imsemmi daħlu diversi rapporti dwar serq minn vetturi u l-akkużat kien identifikat minn filmati fejn deher jisraq.

L-imputat twaqqaf għall-ħabta ta’ nofs il-lejl u meta saret tfittxija fuqu nstablu torch. Ftit tal-ħin wara li ġie arrestat qal li kellu wġiegħ f’sidru u għalhekk ittieħed l-Isptar Mater Dei.

Id-difiża qalet li filwaqt li hu kellu jkun għand ommu, irrimarkat li ommu għandha 92 sena u kellha bżonn l-għajnuna. Kien għalhekk li hu kien sejjer għand oħtu biex tkun tista’ tmur tgħid lil ommhom.

Il-Prosekuzzjoni qalet li darb’oħra messu ċempel l-għassa u informhom biċ-ċirkustanzi u mhux jaqbad u joħroġ.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih u d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arresta imma l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-Maġistrat Stafrace Zammit ċaħdet it-talba.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport