Raġel tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li allegtament wettaq atti sesswali fuq mara mingħajr il-kunsens tagħha. Fil-Qorti ntqal li l-allegat vittma kienet ħarbet miċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni tad-droga li jinsab f’San Blasu hemm iltaqgħet ma’ xi persuni li kienu taħt l-influwenza tad-droga. Allegatament hija ġiet imsawta minnhom.
Il-Prosekuzzjoni qalet li wara dan l-inċident, il-mara kienet spiċċat f’dar b’ħafna nies fiha, iżda hi stess ammettiet li ma tistax tiftakar kif waslet hemm. F’din id-dar kien hemm mara li qaltilha li kienet taf raġel li seta’ jgħinha u anke jikkuralha l-ġrieħi li kellha fuqha.
Kien hawn li l-allegat vittma marret għand dan ir-raġel iżda imbgħad allegat li kien messha b’mod sesswali mingħajr il-kunsens tagħha.
Iċ-ċentru tat-trattament ta’ San Blas kien informa lill-Pulizija li l-mara kienet ħarbet u għalhekk kienet qiegħda tikser ordni tal-Qorti. Il-Pulizija hekk kif marru biex jarrestawha, il-mara għamlet dawn l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-akkużat.
Ir-raġel ġie mħarrek b’ċitazzjoni u ma tressaqx il-Qorti taħt arrest peress li kien għadda żmien sostanzjali mill-allegat inċident.
L-akkużat ċaħda l-akkużi kollha fil-konfront tiegħu filwaqt li l-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma.
L-Avukati Darlene Grima u Miriayah Borg mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxew il-prosekuzzjoni. Għar-raġel dehru l-avukati difensuri Martina Herrera u David Camilleri. Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella.