Friday, October 3, 2025

Raġel mixli li qabbad ieħor biex jaggredixxi lill-eks sieħba

Aqra wkoll

Raġel ta’ 36 sena residenti s-Swieqi, u li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti baqa’ jinżamm arrestat wara li kien mixli b’kompliċità f’attakk b’sikkina li kien seħħ fuq l-eks sieħba tiegħu.

L-imputat hu magħruf sew mal-Pulizija tant li għandu diversi każi l-Qorti.

Kien fis-27 ta’ Settembru li għadda meta għall-ħabta tas-1.30am mara ddaħħlet l-Isptar Mater Dei. Skont dak li ntqal fil-Qorti, il-mara kienet akkumpanjata mill-istess akkużat.

Hekk kif iddaħlet l-isptar għal kura hija kienet f’qagħda stabbli, iżda aktar tard hija qalbet fil-periklu tal-mewt.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-vittma qaltilhom li kienet qalgħet xebgħa mingħand raġel u li kienet qed tissuspetta li l-akkużat kien qabbdu.

Il-Pulizija pprovaw jerġgħu jitkellmu mal-mara, iżda wara li kienet ġiet operata l-għada ma setgħetx titkellem minħabba li kienet muġugħa ħafna.

Aktar tard il-Pulizija rnexxielhom jitkellmu mal-mara fejn qaltilhom li għarfet lil min allegatament aggrediha.

Mal-Pulizija l-vittma allegat li l-attakk fuqha seħħ kif ħarġet mill-komun tad-dar u min attakkaha kien ġera warajh u taha daqqiet ta’ sikkina.

Wara li sar ir-rapport fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika u l-vittma tkellmet mal-ħaddiema soċjali, irriżulta li hija kienet tinsab f’riskju għoli. Kien għalhekk li nħareġ mandatt ta’ arrest fil-konfront tal-akkużat u kien arrestat f’daru.

L-akkużat kien mixli li kien kompliċi fl-attakk fejn weġġgħat gravi l-mara u li kiser erba’ digrieti tal-Qorti lkoll dwar ħelsien mill-arrest.

Huwa wieġeb mhux ħati bid-difiża qalet li ma hemm ebda evidenza diretta jew suspett li jorbtu mal-każ.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest imma l-prosekuzzjoni oġġezzjonat.

Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ċaħad it-talba.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Jennifer Polidano u Miguel Taliana mill-Uffiċċju tal-Avukati Ġenerali u l-Ispetturi Colin Sheldon, Dylan Pace u Audrey Micallef.

L-Avukat Charles Mercieca qed jiddefendi lill-akkużat waqt li l-Avukat Edward Gatt qed jidher għall-vittma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport