Monday, September 1, 2025

Raġel mixli li sawwat lis-sieħba f’karozza li kienet qed twassalhom d-dar

Aqra wkoll

Raġel ta’ 42 sena li twieled l-Ingilterra, iżda residenti Ħaż-Żebbuġ baqa’ miżmum arrestat wara li kien mixli li sawwat lis-sieħba tiegħu fil-karozza waqt li kienet qed twassalhom lura d-dar minħabba li kien xurban.

Il-Prosekuzzjoni mexxija mill-Ispettur Omar Zammit qalet fil-Qorti li l-każ seħħ fid-29 ta’ Awwissu. L-imputat ġie mixli li beżża’ lill-mara, ħebb għaliha, ikkaġunalha ġrieħi ħfief u kiser is-sentenza ta’ ħabs sospiża li kien ingħata f’Awwissu 2023.

L-Ispettur Zammit spjega quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi li l-Pulizija tal-Qawra kienu raw koppja tiġġieled mal-art.

Hekk kif l-istess pulizija ressqu lejn il-koppja, l-allegat vittma qalet li s-sieħeb tagħha kien xurban filwaqt li l-imputat ħarab minn fuq il-post.

L-allegat vittma waqt li kienet qiegħda tiġi mitkellma mit-Taqsima Kontra l-Vjolenza Domestika qalet li huma kienu Paceville meta bdew jargumentaw. Allegat li waqt li kienu f’karozza biex twassalhom lura d-dar reġgħu bdew jargumentaw.

Allegat li beda jsawwatha u talbet lix-xufier jieqaf imma l-akkużat qallu biex ikompli jsuq. F’ħin minnhom ix-xufier waqqaf il-karozza u l-allegat vittma ħarbet minnha. Iżda l-imputat beda jiġri warajha, laħaqha u beda jsawwatha.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat kellu  tendenzi suwiċidali li kkonfermathom il-mara bil-messaġġi fuq il-mobile li uriethom.

Wara li l-Pulizija tkellmet mal-allegat vittma, l-imputat ġie arrestat f’San Pawl il-Baħar, iżda b’xi mod irnexxielu jerġa’ jaħrab. Hu kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għal xi kura fejn hemm baqa’ taħt arrest.

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi bl-Avukat Martin Fenech talab għall-ħelsien mill-arrest imma l-prosekuzzjoni oġġezzjonat fejn semmiet li diġà kien ħarab lill-pulizja. Il-Maġistrat Azzopardi ma laqax it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport