Tuesday, September 30, 2025

Raġel mixli li ta lil martu l-ecstasy li qatlitha

Aqra wkoll

Nelson Esteban Lopez Ceron, Kolombjan ta’ 29 sena residenti San Ġiljan tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li ta lil martu l-ecstasy li biha kkaġunatilha l-mewt.

Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, Lopez Ceron kien mixli b’pussess ta’ pilloli ecstasy li ma kinux għall-użu personali tiegħu, li traffika d-droga u li kkommetta dan ir-reat f’distanza ta’ 100 metru minn post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Il-każ imur lura għal Lulju 2022 meta l-Pulizija kienet qed tinvestiga l-mewt suspettuża ta’ żewġ nisa, Sandra Zamudio u Chrystal Mateisevici. Zamudio, mart l-akkużat kienet iddaħħlet l-Isptar Mater Dei fejn mietet ftit tal-ħin wara.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Qorti li minn kameras tas-sigurtà l-koppja dehru deħlin fi stabbiliment ta’ divertiment f’Ta’ Qali u wara ftit terġa’ toħroġ. Ftit wara fuq filmat ieħor il-mara tidher fuq stretcher bl-akkużat jidher ippanikkjat.

L-Avukat Stefano Filletti, li qed jidher għall-akkużat, irrimarka li dan ma kienx każ ta’ traffikar imma ta’ droga li tqassmet mhux għal skop ta’ traffikar. Id-difiża qalet li l-imputat diġà ħallas prezz qares għal dan meta tilef lil martu filwaqt li talab lill-Qorti biex dan il-każ jinstema quddiem il-Qorti li jisimgħu dwar każijiet ta’ droga.

Il-Maġistrat Frendo Dimech laqgħet it-talba bil-każ se jkompli jinstema’ fi Frar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport