Saturday, November 23, 2024

Raġel mixli li weġġa’ lis-sieħba f’argument

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel ta’ 40 sena mis-Swieqi qed jinżamm taħt arrest wara li allegatament ħebb għas-sieħba tiegħu.

Isem ir-raġel mhux jixxandar biex ma tinkixifx l-identità tal-mara u ta’ bintha minorenni li fuq isimhom hemm divjett mill-Qorti tal-Maġistrati.

Ir-raġel, li mistoqsi x’jaħdem wieġeb Head Sales & Marketing, kien akkużat li fis-7 ta’ Awwissu f’daru ikkaġuna ġrieħi ħfief lill-mara, li taha fastidju, li beżżaha u li heddidha u wieġeb mhux ħati.

L-Ispettur Leeroy Balzan Engerer, li investiga l-każ, spjega lill-Maġistrat Nadine Lia kif il-mara għamlet rapport lill-Pulizija wara li kellhom xi jgħidu fl-appartament tiegħu għax ma riditx tattendi laqgħa li kien se jkollu ma’ xi nies.

L-Avukat Robert Gauci Maestre, li qed jiddefendi lir-raġel, irrimarka li kien il-klijent tiegħu li ġie aggredit mis-sieħba tant li anke hi kienet se titressaq fil-Qorti.

Huwa anke talab għall-ħelsien mill-arrest tiegħu liema talba ma sabitx l-oġġezzjoni tal-Ispettur Balzan Engerer li nsista li sakemm ma javviċinax lill-mara seta jingħata l-libertà proviżorja.

Madankollu l-Maġistrat Lia ċaħdet it-talba għax il-mara għad trid tixhed u ħeġġet lill-prosekuzzjoni itellgħuha mill-aktar fis meta jibda jinstema l-każ.

Sport