Il-Gvern tar-Renju Unit ħallas kumpens “sostanzjali” lil raġel li ġie ttorturat mis-Central Intelligence Agency (CIA) Amerikana u għadu miżmum fil-ħabs ta’ Guantanamo Bay mingħajr proċess wara kważi 20 sena.
Abu Zubaydah kien l-ewwel persuna li ġie suġġett għal teknika ta’ “interrogazzjoni għolja” mis-CIA wara l-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001. Huwa kien akkużat li allegatament kien membru anzjan tal-al-Qaeda. Il-gvern tal-Istati Uniti aktar tard irtira din l-allegazzjoni.
Is-servizzi sigrieti tar-Renju Unit, l-MI5 u l-MI6 kienu bagħtu mistoqsijiet lis-CIA biex jintużaw waqt l-interrogazzjonijiet ta’ Zubaydah minkejja li kienu jafu dwar it-trattament ħażin estrem u t-tortura li kien qed jiffaċċja.
Zubaydah ressaq kawża legali kontra r-Renju Unit fuq il-bażi li s-servizzi tal-intelliġenza Ingliżi kienu “kompliċi” fit-tortura tiegħu. Il-każ issa ntemm wara li ntlaħaq ftehim finanzjarju bħala kumpens.
Il-Professur Helen Duffy, konsulent legali internazzjonali għal Zubaydah, qalet li filwaqt li l-kumpens huwa importanti u huwa sinifikanti, iżda ma kienx biżżejjed.
Hija ħeġġet lir-Renju Unit u gvernijiet oħra biex jaqsmu r-responsabbiltà għat-tortura u d-detenzjoni illegali kontinwi Zubaydah biex jiżguraw il-ħelsien tiegħu mill-ħabs.
L-ammont eżatt li se jirċievi Zubaydah ma setax jiġi żvelat pubblikament għal raġunijiet legali, qalet Duffy. Madankollu, il-kumpens kien “ammont sostanzjali ta’ flus” u l-ħlas kien għaddej. Hija żiedet li bħalissa Zubaydah ma setax jaċċessa l-flus hu stess.
Dominic Grieve, li mexxa inkjesta parlamentari li eżaminat il-każ ta’ Zubaydah, qal li l-arranġament finanzjarju kien sitwazzjoni “mhux tas-soltu “, iżda dak li ġara lil Zubaydah kien sempliċement ħażin.
Zubaydah, Palestinjan imwieled fl-Arabja Sawdija, ilu miżmum fil-ħabs militari tal-Istati Uniti f’Guantanamo Bay, Kuba, mill-2006 mingħajr ma ġie akkużat jew kundannat b’sentenza tal-qorti.
Huwa wieħed minn 15-il priġunier li għadhom miżmuma minkejja diversi sentenzi u rapporti uffiċjali li jiddettaljaw it-tortura li sofra. Huwa saħansitra kien ġie msejjaħ b’mod wiesa’ bħala “priġunier għal dejjem”.
Zubaydah kien inqabad għall-ewwel darba mill-Istati Uniti fil-Pakistan fl-2002, qabel ma nżamm għal erba’ snin f’sensiela ta’ “siti suwed” tas-CIA f’sitt pajjiżi, inklużi l-Litwanja u l-Polonja. Il-każ tal-qbid tiegħu kien ġie meqjus bħala wieħed mill-akbar każijiet tal-hekk imsejħa gwerra kontra t-terrur.
Il-President George W Bush personalment faħħar il-qbid, fejn sostna li Zubaydah kien membru anzjan tal-al-Qaeda li kien qed “jikkonfoffa u jippjana qtil”. Dawn l-allegazzjonijiet aktar tard ġew irtirati mill-gvern tal-Istati Uniti, li ma baqax isostni li kien membru tal-al-Qaeda.



