Raġel ġie arrestat b’rabta ma’ erba’ serqiet mill-ajruport. Nhar it-Tlieta, għall-ħabta tal-10.30 p.m., il-Pulizija ġiet infurmata b’serqa ta’ madwar €6,000 f’ġojjellerija minn ħanut fl-ajruport. Permezz ta’ filmati ta’ CCTV, ġie stabbilit li l-allegat ħalliel uża mutur biex jitlaq minn fuq il-post.
Minn iżjed investigazzjonijiet, irriżulta wkoll li l-istess persuna allegatament wettqet serq ukoll fit-30 ta’ Ottubru minn ħanut ieħor fl-ajruport, u fit-3 u fil-5 ta’ Novembru mill-pompa tal-petrol tal-ajruport.
Għalhekk saret tfittxija għalih u sussegwentement ġie arrestat aktar kmieni llejla mir-residenza tiegħu. Hemmhekk il-pulizija sabu oġġetti b’rabta mas-serq u l-mutur.
Huwa mistenni jitressaq il-Qorti llum, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.