Marco Farrugia ta’ 49 sena residenti Bormla ngħata sentenza sospiża u ordnat iħallas €4,900 f’danni wara li ħaraq xi bins li jinsabu fi Triq Fr Charles Platter, f’Raħal Ġdid.
Huwa tressaq il-Qorti mixli li fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu ħaraq dawn il-bins u li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor. Farrugia kien arrestat ftit sigħat biss wara li seħħ dan ir-reat.
Huwa kien deher fuq filmati tas-sorveljanza jqabbad il-bins u jaħrab minn fuq il-post. Minnufih kienu bdew l-investigazzjonijiet u t-tfittxijiet għall-persuna li wettqet dan il-ħruq, filwaqt li nħatret inkjesta dwar il-każ.
Dawn l-investigazzjonijiet wasslu biex ġie identifikat ir-raġel, bil-Pulizija tarrestah l-Erbgħa filgħodu f’Raħal Ġdid. Meta tressaq quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, l-imputat wieġeb ħati u qal li ddispjaċih għal dak li għamel u li kien lest li jħallas tal-ħsara.
Farrugia kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u kien ordnat biex iħallas is-somma ta’ €4,900 fuq perjodu ta’ tliet snin.
Aktar kmieni dalgħodu: Raġel se jitressaq il-Qorti wara li ġie arrestat minħabba li qabbad xi bins
B’rabta ma’ dan il-każ, aktar tard illum, għall-ħabta tas-1:00 p.m, il-
Pulizija ser tressaq raġel il-Qorti, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Leonard Caruana.
Intant, fi stqarrija l-Pulizija qalet li ġiet infurmata t-Tlieta li għadda għall-ħabta tal-4:20 a.m deher raġel jqqabd bins li jinsabu fi Triq Fr. Charles Platter, f’Raħal Ġdid u li ħarab minn fuq il-post
Immedjatament bdew l-investigazzjonijiet u t-tfittxijiet għall-persuna li wettqet dan il-ħruq, filwaqt li ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Noel Bartolo LL.D. li ħatar inkjesta dwar il-każ.
L-investigazzjonijiet wasslu biex ġie identifikat ir-raġel, li jgħix Bormla, bil-Pulizija tarrestah ilbieraħ filgħodu f’Raħal Ġdid.