Sunday, March 22, 2026

Raġel Somalu mixli b’importazzjoni ta’ 20 kilo khat

Aqra wkoll

Raġel ta’ 39 sena ta’ nazzjonalità Somala, residenti Marsa u bla xogħol, tressaq il-Qorti akkużat b’importazzjoni u traffikar ta’ droga khat f’ammont sostanzjali.

L-imputat, Shire Mohamed Duale, ġie mixli li daħħal fil-pajjiż madwar 20 kilo tal-pjanta khat, droga li mhix legali f’Malta, f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Il-Qorti semgħet kif fit-18 ta’ Marzu, l-imputat wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn Pariġi. Meta ġie mitlub mill-awtoritajiet biex jgħaddi l-bagalja tiegħu minn magna X-ray, huwa allegatament telaq minn fuq il-post u ħalla l-bagalja warajh.

Wara din l-imġiba suspettuża, bdiet investigazzjoni li wasslet biex il-Pulizija traċċat lill-imputat f’indirizz fil-Marsa fejn ġie arrestat.

Fil-Qorti, Duale wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Francesco Mizzi u John Leigh Howard flimkien mal-avukat tal-Istat Nadia Ciappara.

Id-difiża kienet rappreżentata mill-avukat Ingrid Zammit Young.

Il-każ għadu għaddej quddiem il-Qorti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport