Raġel ta’ 32 sena residenti Ħal Luqa tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku li seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-10.00pm fi Triq Triq L-Imdina, Ħaż-Żebbuġ.
Il-Pulizija fi stqarrija qalu li mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħ impatt bejn Renault Captur li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 57 sena minn Ħad-Dingli u Honda Civic li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 32 sena u residenti Ħal Luqa. Fil-Honda Civic kien hemm ukoll mara ta’ 28 sena, residenti Ħ’Attard.
Huma ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u minn membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza. Ftit tal-ħin wara, ir-raġel ta’ 32 ġie ċċertifikat mejjet.
Ir-raġel l-ieħor sofra ġrieħi gravi, filwaqt li l-kundizzjoni tal-mara għadha pendenti
Il-Maġistrat Dr Antoine Agius Bonnici LL.D ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.