Raġel ta’ 33 sena magħruf sew mal-Pulizija ġie arrestat ilbieraħ filgħaxija wara li għall-ħabta tad-9.00pm il-pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet sparatura waqt argument fi Triq Melita, Raħal Ġdid.
Minn investigazzjonijiet preliminari, irriżulta li raġel ta’ 33 sena kien allegatament spara tiri b’arma tan-nar waqt argument li kellu ma’ tlett irġiel oħra u mal-wasla tal-pulizija huwa ingħalaq waħdu fir-residenza tiegħu li tinsab fl-istess triq.
Il-pulizija tkellmu mal-allegat aggressur u wara ftit tal-ħin dan fetaħ il-bieb u ġie arrestat, filwaqt li fir-residenza, il-pulizija sabet ukoll l-arma tan-nar li allegatament intużat.
Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li bil-każ ġiet infurmata il-Maġistrat Dr Monica Galea LLD.