Sunday, June 22, 2025

Raġel ta’ 60 sena mixli li sawwat lil missieru ta’ 84 sena

Aqra wkoll

Raġel ta’ 60 sena baqa’ miżmum taħt arrest wara li kien mixli fil-Qorti li fil-jiem li għaddew ikkaġuna ġrieħi gravi lil missieru li għandu 84 sena.

Kien fl-14 ta’ Ġunju li għadda meta l-missier mar jagħmel rapport lill-Pulizija dwar ibnu u ppreżenta ċertifikat mediku li kien sofra ġrieħi gravi.

Quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo r-raġel kien mixli wkoll li ta fastidju lil missieru, beżżgħu u li kiser kundizzjonijiet tal-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat kien daħal fid-dar tal-ġenituri tiegħu u kien hawn li nqala l-argument. Fl-istess argument kien ikkaġuna ġrieħi gravi fuq missieru tant li kellu jittieħed għall-kura.

Fil-Qorti ntqal li l-omm l-akkużat tbati mill-kundizzjoni tad-dimenzja.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Rizzo li meta kien tressaq il-Qorti, hu kien ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li zitu kienet daħlet garanti għalih. Dakinhar kienet anke nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-missier.

Iżda nhar is-Sibt li għadda l-missier kien reġa’ ċempel lill-Pulizija. Fir-rapport tiegħu qal li dik il-ġurnata ibnu kien mar quddiem id-dar tiegħu tliet darbiet iħabbatlu.

Irrapporta li ibnu heddidhom li ried jidħol ġewwa biex jieħu sodisfazzjon u li kien se joqtolhom.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwi għat-talba tad-difiża biex l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest fosthom għax jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest ma kellux għażla oħra ħlief li jmur jgħix mal-ġenituri tiegħu.

Min-naħa tagħha d-difiża qalet li l-akkużat kien xtara appartament imma ma jistax imur jgħix fih għax għadu ma sarx il-kuntratt.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Maġistrat Rizzo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport